Nhar is-Sibt 11 ta’ Marzu, Missio Malta qed torganizza l-Maratona annwali tagħha biex tiġbor fondi għall-proġetti li twettaq fil-pajjiżi tal-Missjoni. Din il-maratona li għandha t-tema ‘Ningħaqdu għal Missio’, ser tkun imxandra live bejn il-11 ta’ filgħodu u l-11 ta’ bil-lejl, fuq is-sit ta’ TVM kif ukoll fuq l-istazzjonijiet ONE, NET, F Living TV, Smash TV u Xejk TV. 

“Dan l-avveniment, huwa kruċjali għall-operat ta’ Missio Malta, hekk kif jipprovdi parti kbira mill-fondi neċessarji, li bihom Missio Malta tkompli tiffinanzja proġetti ta’ fejda f’pajjiżi tal-Afrika, l-Asja u l-Amerika t’Isfel,” stqarr Robert Farrugia, il-Kap tal-Komunikazzjoni u l-Ġbir ta’ Fondi ta’ Missio Malta. 

“Permezz ta’ din il-Maratona, nieħdu l-opportunità li nlaqqgħu lill-membri tal-pubbliku u lill-benefatturi tagħna, ma’ stejjer ta’ suċċess li rajna fl-aħħar xhur, u li seħħew bis-saħħa tal-ġenerożità tal-Maltin u l-Għawdxin. L-appell għall-ġenerożità tal-pubbliku huwa ħaj iktar minn qatt qabel, sabiex inkomplu nwettqu l-ġid ma’ dawk l-iktar li jeħtieġu l-għajnuna tagħna.” 

Waqt il-maratona, Missio Malta ser tkompli tixħet dawl fuq ħafna stejjer miċ-ċentri li tassisti madwar id-dinja. Stejjer bħal ta’ Will, tifel fqir b’vokazzjoni kbira. 

Will huwa żagħżugħ ta’ 17-il sena li jattendi l-iskola tas-Seminarju f’Arusha, fit-Tanżanija, mingħajr ħlas, bl-assistenza ta’ Missio Malta. Filfatt Will qed jirċievi edukazzjoni b’xejn, għax Missieru, li xogħlu huwa ta’ ġardinar, kellu inċident u tilef driegħ minnhom u għalhekk illum ma jistgħax jaħdem. Will għandu ukoll tliet ħutu oħra li jattendu l-istess skola, u kieku ma jkunx għal Missio, dawn it-tfal la jkunu jistgħu jirċievu l-edukazzjoni, u wisq anqas jgħixu ħajja dinjituża. 

Ma’ Will hemm ħafna studenti oħrajn ġejjin minn ambjenti diffiċli, li jattendu l-istess skola ukoll. 

Il-ħolma ta’ Will hi li la jikber isir saċerdot, għax iħoss il-vokazzjoni. Dan jixtieq jagħmlu għax jixtieq jagħmel il-ġid ma’ ħaddiehor kif ra ir-reliġjużi jagħmlu miegħu u ma’ familtu meta kellu bżonn. 

Permezz tal-maratona tas-Sibt 11 ta’ Marzu, Missio Malta ser tkompli tiġbor il-fondi biex tkun tista’ tkompli tgħin eluf ta’ tfal oħrajn bħal Will, fl-iktar postijiet imwarrba tad-dinja, jirċievu l-edukazzjoni, jingħataw il-kura, mediċina, ħwejjeġ, saqaf fuq rashom u ħajja dinjituża. 

Il-ġenerożità tal-Maltin u l-Għawdxin tagħmel id-differenza kollha.