L-omelija tal-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi

Huma ftit il-qaddisin li d-devozzjoni lejhom bdiet f’Malta. Għandna lil San Publju u lil San Ġorġ Preca, u l-Beati Nazju Falzon u Marija Adeodata Pisani, li kienu jgħixu hawn. Imma hemm qaddis li ma għexx f’Malta u li d-devozzjoni lejh bdiet f’Malta: dan hu San Kalċedonju, li qed niċċelebraw il-festa tiegħu llum. Ir-raġuni hi għaliex snin ilu, fl-1753, il-Papa ta’ dak iż-żmien, Benedittu XIV, kien bagħat hawnhekk il-fdalijiet tiegħu lill-Ġiżwiti li kienu jgħixu f’dan il-post, il-kunvent li kien jissejjaħ tal-Madonna ta’ Manresa. Kien ġabhom miċ-ċimiterju ta’ Pretestato, f’Ruma, u ta l-fdalijiet tiegħu f’urna li fuqha kien hemm miktub Calcedonius in pace. U l-Ġiżwiti mhux biss xerrdu d-devozzjoni lejh hawn, imma anke fi Sqallija – billi kienu jagħmlu parti mill-provinċja ta’ Sqallija – u, fil-fatt, hemm devozzjoni lejh fi Sqallija, pereżempju f’Palermo, Messina, f’Katanja, u postijiet oħra fi Sqallija.

X’nafu fuq San Kalċedonju? Ħaġa waħda: li miet martri ħafna snin ilu. Nafu li hu kien wieħed fost diversi Nsara li meta kienu ppersegwitati, baqgħu sħaħ sal-aħħar, fidili lejn Alla sal-aħħar. San Kalċedonju għex dal-kliem li smajna lil Ġesù jgħid fl-Evanġelju skont San Mattew: “Min jibqa’ jżomm sħiħ sal-aħħar, dan isalva”.

Mhijiex bil-qawwa tagħna imma bil-qawwa ta’ Alla li aħna nistgħu ngħixu ta’ Nsara, u Nsara ta’ veru. Hu jagħtina l-grazzja li nagħmlu dan b’fedeltà.

L-okkażjoni tal-lum – il-festa tal-martri San Kalċedonju – tfakkarna żgur fil-martri ta’ żmienna; għaliex, filwaqt li San Kalċedonju għex ħafna snin ilu, tul l-Istorja tal-Knisja baqa’ jkun hemm martri. Forsi diversi lanqas jintebħu li fi żmienna, fiż-żmien li qed ngħixu, hemm il-martri f’diversi postijiet. Hemm min imut martri minħabba l-fidi tiegħu jew tagħha. Huma nies ta’ ħajja mill-aktar ordinarja, mhux magħrufin għal xi proġetti partikulari jew affarijiet kbar li għamlu, imma li meta kienu msejħin biex jagħtu xhieda, taw din ix-xhieda għal Ġesù sal-aħħar anke bil-mewt tagħhom. Dawn huma nies anke ta’ żmienna. San Kalċedonju li għex tant snin ilu jfakkarna wkoll f’dawn li huma martri fi żmienna.

X’jgħidilna San Kalċedonju, lilna fil-ħajja tagħna llum? Ħafna minna mhux se jkollna s-sejħa li mmutu martri bħalma miet San Kalċedonju. Imma l-kelma ‘martri’ ġejja minn kelma Griega li tfisser xhieda, u aħna msejħin biex nagħtu xhieda għal Ġesù mhux bilfors bil-mewt tagħna imma żgur bil-ħajja tagħna.

Il-kelma ‘martri’ tfakkarna li kultant biex nagħtu xhieda rridu nbatu. Mhijiex bil-qawwa tagħna imma bil-qawwa ta’ Alla li aħna nistgħu ngħixu ta’ Nsara, u Nsara ta’ veru. Hu jagħtina l-grazzja li nagħmlu dan b’fedeltà. Speċjalment li negħlbu l-biża’, li kultant jiġi b’mod naturali. Kultant nibżgħu jew qisna nidħlu f’qoxritna minħabba l-oħrajn. Kultant jista’ jiġrilna li nibżgħu nagħtu xhieda tal-fidi tagħna minħabba dawk ta’ madwarna, qisu aħna rridu l-permess ta’ xi ħadd biex ngħixu l-fidi tagħna, jew inkella qisna msejħin biex nogħġbu lill-oħrajn b’dak li nagħmlu. San Kalċedonju jfakkarna li aħna msejħin biex nagħtu xhieda b’ħajjitna u nagħmlu dan billi bil-grazzja ta’ Alla negħlbu l-biża’ u dejjem inkunu fidili lejn Alla u bħalu ngħixu b’fedeltà sal-aħħar.

Nitolbu llum din il-grazzja, aħna u nagħmlu l-festa lil San Kalċedonju, biex jgħinna negħlbu l-biża’, nagħtu xhieda bil-ferħ ta’ Ġesù li hu ħaj, u li bħalu aħna nibqgħu fidili lejn Alla sal-aħħar.

✠ Joseph Galea-Curmi   
    Isqof Awżiljarju