Il‑bidliet proposti mill‑Gvern biex idaħħal l‑għażla tal‑embrijun fil‑proċedura tal‑IVF mhi xejn inqas minn ewġenika, għax dawn it‑tipi ta’ metodi ma jwelldux “tarbija b’saħħitha” imma jipprovdu għodda li tippermetti l‑għażla ta’ liema tarbija tgħix u liema tarbija tiġi ffriżata għal dejjem.

Kull embrijun krejat permezz ta’ ċ-ċiklu IVF huwa persuna umana distinta. Skont il‑proċedura proposta, kull embrijun se jkun ittestjat għall-possibiltà ta’ monogenic disorders. Wara d‑dijanjosi, dak l‑embrijun biss li ma joħroġx pożittiv għal din il-kundizzjoni jiġi trasferit għall‑ġuf tal‑omm. L‑embrijuni li jinstabu b’xi varjazzjoni mhux mixtieqa jiġu ffrriżati għal dejjem.

Il‑Gvern qed jipprova jaħbi din ir‑realtà billi jimplika li embrijuni skartati xorta għandhom iċ‑ċans li jiġu adottati. F’dawn l‑aħħar sentejn, il‑ħażna ta’ embrijuni ffriżati żdiedet minn 180 għal aktar minn 300 din is‑sena u ma ssemma’ xejn li xi wieħed minnhom ġie adottat. 

Wieħed ma jistax jifhem kif embrijun li ġie mwarrab mill‑ġenituri tiegħu jista’ jkun ikkunsidrat għall‑adozzjoni minn ħaddieħor

Hemm konsegwenzi serji meta niksru l‑prinċipju fundamentali tal‑bniedem li ħadd ma jista’ jiddetermina min għandu jgħix u min għandu jmut. Il‑PGT selection imur kontra l‑bażi ta’ dan il‑prinċipju u jintroduċi ewġenika fejn il‑valur tal-bniedem jiddependi fuq is‑saħħa tiegħu jew tagħha minflok il‑valur intrinsiku tal‑bniedem, irrispettivament mill‑istadju tal‑iżvilupp ta’ dik il‑persuna, l‑età, ir‑razza, l‑orjentament, is‑saħħa jew l‑abiltajiet.

L‑ugwaljanzi ma tagħżilx, l‑ugwaljanza hi universali

L‑emendi proposti għal‑liġi tal‑IVF huma fundamentalment diskiriminatorji għax iqisu bla valur ta’ xejn il‑ħajja ta’ persuni li fil‑preżent għandhom dawn il‑kundizzjonijiet ġenetiċi. L- embrijuni ta’ bnedmin bhalhom u ma jitsħoqqilhomx li intenzjonalment jiġu ffriżati.

Il‑liġi proposta tippromwovi mentalità li tiddiskrimina kontra l-persuni b’diżabilità jew kundizzjoni genetika.  Illum hawn nies li qed jgħixu b’kundizzjonjiet ġenetiċi.

Ma nistgħux f’xahar wieħed niċċelebraw l‑Olimpijadi Speċjali u f’xahar ieħor nipproponu liġijiet li jċaħħdu t‑twelid lil trabi b’kundizzjonijiet ġenetiċi.

Inħeġġu lill‑Gvern biex jikkonsidra l‑implikazzjonijiet etiċi u morali li din il‑leġiżlazzjoni ewġenika se tkun qed tintroduċi u jniedi konsultazzjoni xierqa dwar dan il‑proċess.

Lista ta’ firmatarji:

Life Network Foundation Malta

Malta Unborn Child Platform

Id‑Dar tal‑Providenza

Fondazzjoni Arka

Catholic Voices Malta

Moviment ta’ Kana

Caritas Malta

Peace and Good Foundation

Paulo Freire Foundation

St Jeanne Antide Foundation

Dar Merħba Bik Foundation

Dar Hosea

Society of St Vincent de Paule

The Church Homes for the Elderly