Għal darb’oħra l‑poplu Malti u Għawdxi reġa’ wera l‑ġenerożità u s‑solidarjetà tiegħu mad‑Dar tal‑Providenza permezz tal-ġabra tas‑somma ta’ €1,520,517 waqt il‑Festa ta’ Ġenerożità. Il‑fondi miġbura se jgħinu lid‑Dar tkompli tipprovdi servizzi residenzjali ta’ kwalità lil 115‑il persuna b’diżabilità li jgħixu fid‑djar tagħha. Il‑fondi se jgħinu wkoll lid‑Dar biex tlesti x‑xogħol kollu ta’ rinovar estensiv u titjib fl‑ambjent li fih jgħixu r‑residenti f’Villa Papa Giovanni fis‑Siġġiewi. Dan qalu Fr Martin Micallef, id-Direttur tad‑Dar, fi tmiem il-maratona televiżiva ta’ tnax‑il siegħa. Huwa żied jgħid li j’alla li s‑solidarjetà li ntweriet fl‑ewwel tas‑sena mad‑Dar tal‑Providenza tibqa’ tintwera matul is‑sena kollha ma’ dawk fis‑soċjetà Maltija li jeħtieġu l‑appoġġ.
Il‑Festa ta’ Ġenerożità xxandret minn taħt it‑tinda mtellgħa apposta fil‑parkeġġ tad‑Dar fis‑Siġġiewi. Il‑maratona televiżiva bdiet b’quddiesa ċċelebrata minn Mons. Arċisqof Charles J. Scicluna fil‑kappella tad‑Dar u ntemmet f’nofsillejl. Fil‑bidu tal‑quddiesa li għaliha attendew il‑President ta’ Malta, Dott. George Vella u s‑Sinjura Vella, saret il‑priedka tradizzjonali tal‑Milied minn Kate Prasel Caruana, tifla ta’ għaxar snin.
Reġa’ sar l‑irkant online ta’ diversi xogħlijiet tal‑arti ġentilment mogħtija minn għadd ta’ artisti Maltin u barranin. Id‑dħul mill‑bejgħ ta’ dawn ix‑xogħlijiet laħaq €39,042.
Il‑Ministru għall‑Inklużjoni, il‑Volontarjat u d‑Drittijiet tal‑Konsumatur, l‑Onor. Julia Farrugia Portelli, li kienet qed tirrappreżenta lill‑Prim Ministru Dott. Robert Abela, għamlet għotja ta’ €25,000 mill‑Fond għall‑Kawżi Ġusti.
Bħal kull sena, għadd sabiħ ta’ parroċċi f’Malta u Għawdex organizzaw ġabriet speċjali waqt il‑quddies tal‑ewwel tas‑sena li mbagħad ingħataw lid‑Dar f’isem il‑komunitajiet parrokkjali.
Fl‑omelija tiegħu, Mons. Arċisqof tkellem dwar il‑ħames barkiet li l‑poeta Nazzjonali Dun Karm Psaila isemmi fl‑Innu Malti: id‑dehen, il‑ħniena, is‑saħħa, l‑għaqda u s‑sliem li għandhom jiggwidawna matul din is‑sena. Awgura li s‑sliem u l‑paċi jkunu fil‑qlub tal‑Maltin u l‑Ghawdxin kollha għax min m’għandux paċi f’qalbu huwa tassew fqir waqt li dawk li jħaddnu l‑paċi f’qalbhom huma sinjuri kbar. Assistew lill‑Arċisqof fil‑konċelebrazzjoni tal‑quddiesa Mons. Charles Cordina, Vigarju Episkopali għad‑Djakonija, Dun Josef Mifsud, Arċipriet tas‑Siġġiewi, Fr Martin Micallef, Direttur u Fr Trevor Fairclough, Direttur Spiritwali tad‑Dar tal‑Providenza.