L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi

“Ma hemmx kmandament ieħor akbar minn dawn” (Mk 12:31). Dan huwa l-kliem li jgħid Ġesù, fl-Evanġelu skont San Mark, għall-mistoqsija li għamillu wieħed mill-kittieba. Dan staqsieh liema wieħed, fost il-kmandamenti kollha, huwa l-ewwel. Din kienet mistoqsija illi jagħmluha ħafna dak iż-żmien. U kienu jagħmluha għax kellhom ħafna kmandamenti, liġijiet, u preċetti – kellhom ’il fuq minn 600. Għalhekk kienu jiddiskutu bejniethom: imma liema wieħed fost il-kmandamenti jiġi l-ewwel? Din hi l-mistoqsija li għamel dan il-kittieb lil Ġesù.

Ġesù jwieġeb għall-mistoqsija tiegħu liema huwa l-ewwel. Jgħid li l-ewwel wieħed hu: “Ħobb lil Mulej Alla tiegħek b’qalbek kollha, b’ruħek kollha, b’moħħok kollu u bil-qawwa tiegħek kollha” (Mk 12:30). Dan hu l-ewwel kmandament. Int għandek tħobb lill-Mulej b’mod sħiħ, b’ħajtek kollha, mingħajr kundizzjoni. Imma mbagħad Ġesù jagħmel ħaġa ġdida, meta Jgħid: “It-tieni hu dan: ħobb lil għajrek bħalek innifsek”. U jgħaqqadhom. Jgħid: “Ma hemmx kmandament ieħor akbar minn dawn” (Mk 12:31). U l-messaġġ jidher li wasal, fil-fatt, għax il-kittieb, meta jgħidlu “Sewwa qiegħed tgħid” (Mk 12:32), hu wkoll imbagħad, meta jwieġeb lil Ġesù, jgħaqqadhom flimkien dawn iż-żewġ kmandamenti.

X’qed jgħid Ġesù meta jgħaqqad flimkien dan l-ewwel u t-tieni kmandament u jgħid li flimkien jiġu l-iktar importanti? Ġesù qed jgħid, l-ewwel nett, li hija l-imħabba fil-qalba tal-ħajja tagħna: l-imħabba li biha Alla jħobbna, u aħna nirrispondu għaliha, u għalhekk l-ewwel imħabba tagħna huwa Alla b’mod sħiħ. Hemm hu l-ewwel. Imma mbagħad Ġesù qed jgħid li jekk verament tħobb lil Alla, se tħobb ukoll lil għajrek, lill-proxxmu tiegħek. U dawn imorru flimkien. Aħna nafu li Ġesù kemm-il darba wriena dan.  Niftakru meta kien tkellem fuq l-opri tal-ħniena u semma kif tgħin lil dawk li huma fil-bżonn. Jgħid: “Kulma għamiltu ma’ wieħed mill-iżgħar fost dawn ħuti għamiltuh miegħi” (Mt 25:40). Għaqqad flimkien l-imħabba lejn dawk li huma fil-bżonn mal-imħabba lejh. Nafu li anke San Ġwann, fl-Ewwel Ittra tiegħu, jispjega tajjeb ħafna, anzi bi kliem qawwi dan li qed jgħid Ġesù. Jgħid: “Jekk xi ħadd jgħid ‘jien inħobb lil Alla’ u jobgħod lil ħuh, dan ikun giddieb. Għax min ma jħobbx lil ħuh li jara, kif jista’ jħobb lil Alla li hu qatt ma rah? Dan hu l-kmandament li tana hu: li min iħobb lil Alla, iħobb ukoll lil ħuh” (1 Ġw 4:20-21). Hemmhekk naraw kif hija din l-imħabba li għandha tmexxi dejjem il-ħajja tagħna.

Dan il-messaġġ hu importanti ħafna għal ħajjitna llum. Aħna nkunu qed ngħixu verament ta’ Nsara meta ngħixu dil-kelma li qed jgħid Ġesù: l-imħabba lejn Alla u l-imħabba lejn l-oħrajn. Hu qed jgħid li ma għandniex nifirduhom, kif kultant jiġri. Għax jista’ jiġri li tgħid: “ħa mmur il-quddies u ċ-ċelebrazzjonijiet u nuri l-imħabba tiegħi lejn Alla”. Imma mbagħad, jekk inti tgħid “dak il-proxxmu ma rridx naf bih”, hemm diviżjoni. Lanqas hi verament imħabba lejn Alla li nuru meta niċċelebraw flimkien jekk int se ġġib ruħek hekk mal-oħrajn. Imma l-kontra wkoll. Hawn min jgħidlek: “jiena ma hemmx quddiesa għalija, għax jiena nħobb lill-proxxmu u biżżejjed”. Tkun qed tifred l-imħabba lejn Alla f’ċelebrazzjoni hekk importanti, ċentrali għalina, li hi l-quddiesa, mill-imħabba lejn l-oħrajn. Ġesù qed jgħid: ma għandux ikun hemm firda. Flimkien dawn imorru: l-imħabba lejn Alla u l-imħabba lejn l-oħrajn.

Dan hu li qed jgħidilna llum. Qed jgħidilna biex ngħixu din l-imħabba b’mod sħiħ – dejjem l-imħabba lejn Alla li mbagħad nuruha lejn l-oħrajn. Meta aħna niltaqgħu flimkien għaċ-ċelebrazzjoni tal-quddiesa, hu mument meta aħna nirċievu l-imħabba mingħand Alla u nuru li aħna nħobbuh. L-istedina ta’ Ġesù hi biex inkomplu ngħixu din mal-oħrajn speċjalment fil-ħajja ordinarja ta’ kuljum. Għax l-imħabba tintwera fl-affarijiet iż-żgħar l-ewwel: f’kelma li tgħid għall-ġid, fit-tbissima, fil-preżenza ma’ min qed ibati. Hemm turi li verament qed tħobb, u hemm iridna Ġesù ngħixu l-imħabba lejh – meta aħna nħobbu lill-oħrajn.

Nitolbu lill-Mulej: imliena bl-imħabba tiegħek, għinna biex aħna jkollna qalbna dejjem mimlija bl-imħabba lejk, u li din nuruha fl-imħabba lejn l-oħrajn, speċjalment lejn dawk li huma l-aktar fil-bżonn. 

✠ Joseph Galea-Curmi   
    Isqof Awżiljarju