Bħala parti mill-Ġimgħa ta’ Talb għall‑Għaqda fost l‑Insara, ilbieraħ 21 ta’ Jannar 2022, sar Servizz Ekumeniku bis-sehem ta’ diversi Knejjes Insara f’Malta fis-Santwarju Bażilika tal-Madonna tal-Karmnu, il-Belt Valletta.

It-talb tmexxa mill-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi filwaqt li r-riflessjoni biblika saret minn Pastor Earl Pinkston, tal-Knisja Evanġelika Battista. Għal dan is-servizz attendew Insara Kattoliċi, Ortodossi u Protestanti u reliġjużi Kattoliċi ta’ komunitajiet li jinsabu fil-Belt Valletta, fosthom il-Karmelitani, id-Dumnikani u l-Franġiskani Konventwali. Kien hemm ukoll preżenti żgħażagħ mill-Junior College li ħejjew xi talb li ntuża matul is-servizz ekumeniku. Waqt is-servizz saret ukoll ġabra sabiex Missio Malta tixtri dożi tal-vaċċin kontra l-COVID-19 fl-artijiet tal-missjoni.

It-tema ta’ din is-sena tal-Ġimgħa ta’ Talb għall Għaqda fost l Insara hi meħuda mill-Evanġelju skont San Mattew: “Rajna l-kewkba tiegħu tielgħa fil-Lvant, u ġejna nqimuh” (Mt 2:2). It-tema u l-materjal ta’ talb tħejja mill-Knejjes Insara fil-Lvant Nofsani. Waqt is-servizz sar ġest simboliku meta rappreżentanti mill-Knejjes differenti waħħlu forom ta’ kwiekeb ma’ sfond ikħal li kien jirrappreżenta s-sema. Fuq dan l-isfond kien hemm ukoll kewkba kbira tixgħel li fakkret lil dawk preżenti fil-kewkba li mexxiet lis-Slaten Maġi.

Is-servizz ekumeniku se jixxandar illejla fis-7pm fuq Knisja.mt, il-paġna ta’ Facebook u YouTube tal-Arċidjoċesi ta’ Malta, u Newsbook.com.mt.


Silta mir-ritratti taċ-ċelebrazzjoni