• Il-Ħadd 30 ta’ Ottubru 2016, l-Arċisqof Charles J. Scicluna amministra s‑sagrament tal‑Griżma tal‑Isqof lill‑adoloxxenti fil‑Parroċċa ta’ San Ġiljan.

    Omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna

  • Knisja Parrokjali, San Ġiljan

    30 ta’ Ottubru 2016

    Ejjew niftakru ftit fl-Evanġelju (Lq 19, 1-10) li għadu kemm ħabbar il-Kappillan Fr Claude. Hemm raġel li għandu kurżita’ partikolari. Iżjed ma tikbru, iżjed se jiġukom kurżitajiet speċjalment din il-ħerqa kbira, din l-urge li tara fuq l-internet b’mod speċjali u fuq is-social media. Qegħdin ilkoll kemm aħna, imma intom magħna wkoll, f’din il-kultura li dejjem trid tara anke b’mod speċjali fejn hu pprojbit li tara, tifhmuni.  

    Żakkew ried jara lil Ġesù u kellu probema, nifhmu għax kien qasir. Jiena għandi simpatija kbira lejn Żakkew, tifhmuni wkoll għaliex. Minħabba li kien qasir, Żakkew kien jaf li meta jiġi Ġesù se jkun hemm folla kbira: “irrid nagħmel xi ħaġa għax inkella mhux se naraħ lil Ġesù”. Għalkemm kien bniedem importanti, pubblikan, imma ma kienx popolari għax kien jiġbor it-taxxi, u kien għani. Imma ma ddejjaqx, kien hemm siġra tat-tin selvaġġ u qal: “nitla’ fuqha għax minn hawn ġej Ġesù, għaddej minn hawn, u narah żgur”.

    Jalla l-Mulej jagħtikom il-grazzja li tmorru Ġeriko. Ġeriko llum hija belt kbira, anki fi żmien Ġesù kienet belt enormi, hija waħda mill-ibliet l-iżjed antiki u hija wkoll mibnija f’post l-iktar baxx fid-dinja, below sea-level. B’xi mod li tmur Ġeriko huwa li tinżel qrib ħafna, l-iżjed li tista’ tasal ċ-ċentru tad-dinja għaliex l-iżjed profond, qiegħda f’wied profond ħafna, fi pjanura fonda ħafna. Ġesù kien iħobb isemmieha lil Ġeriko. Per eżempju fil-parabbola tas-Samaritan it-tajjeb jgħid: “Kien hemm wieħed nieżel minn Ġerusalem għal Ġeriko” (Lq 10, 30). Meta tmur Ġeriko juruk ħafna siġar tat-tin selvaġġ, hemm xi għoxrin waħda, kollha jgħidu tela’ fuqha Żakkew, jiġifieri meta tibda tgħoddom tgħid: “dan sar professional sycamore climber’! Aħna nafu b’waħda biss li tela’ fuqha minħabba din il-kurżità li jara lil Ġesù (Lq 19, 4).

    Din ix-xewqa minn fejn ġiet? Min  poġġihielu din ix-xewqa fil-qalb tiegħu lil Żakkew? I want to see Jesus. Huwa l-Ispirtu qaddis tal-Mulej li fil-qalb ta’ Żakkew poġġa din ix-xewqa, din l-urge li jara lil Ġesù mingħajr ma forsi, anzi persważ ma kienx jaf x’se jiġri fil-ħajja tiegħu. Kellu din ix-xewqa, xtaq jarah. Nesa’ l-limiti tiegħu, tela’ fuq siġra, ma qagħadtx joqgħod jikkopa ruħu li se jitla’ fuq siġra.

    U Ġesù jgħaddi minn hemmhekk. Ġesù jieqaf, ħares ’il fuq u qallu: “Żakkew, isa, inżel minn hemm, għax illum jeħtieġli noqgħod għandek” (v.5). Illum jeħtieġli noqgħod għandek! L-istess Spirtu qaddis li tefa’ din il-kurżità fil-qalb ta’ Żakkew permezz ta’ Ġesù stess, jidħol fid-dar, imbagħad fil-qalb ta’ Żakkew.

    Illum Ġesù qed jgħidlek l-istess, “illum jeħtieġli noqgħod għandek, niġi għandek”. Dak ifisser li tirċievi l-Ispirtu Qaddis tal-Mulej. He is coming knocking on your door. Inti x’se tgħidlu? Ġejtu hawnhekk, il-kappillan kien qed jispjegali kemm kontu leali għal din l-esperjenza ta’ formazzjoni, li kontu tiltaqgħu kull ħmistax, u kontu assidwi. Xi ħaġa li nixtieqa tkompli u nispera li kienet esperjenza sabiħa imma trid tkompli, tiltaqgħu regolarment, anke mal-katekisti tagħkom żgħażagħ. Jiena nirringrazzjahom, qegħdin hemmhekk, veru se jibku bl-emozzjoni nimmaġinahom jien, imma nirringrazzjahom talli tawkom formazzjoni sabiħa, attraenti u mhux tad-dwejjaq.

    Żakkew kien jaf x’jiġifieri Ġesù meta daħal fil-ħajja tiegħu, għax ħajtu nbidlet. L-ewwel nett kien hemm min skandalizza ruħu. “X’għarukaża għand wieħed midneb daħal jistrieħ!” ( v. 7). U Ġesù jgħidilhom: “dan ukoll bin Abraham” (v. 9). Veru intom tiddisprezzawh għax jiġbor it-taxxi, għax huwa midneb imma dan ukoll irrid nagħtih ċans, anzi ġejt infittxu. “Bin il-bniedem ġie jfitex u jsalva l-mitluf” (v. 10).

    Il-kurżità ta’ Żakkew li tiltaqa’ max-xewqa ta’ Ġesù li jsibu. Żakkew iħares lejn Ġesù, Ġesù jħares lejn Żakkew. Bla telf ta’ żmien, kollu ferħan, laqgħu għandu. Inti hekk se tagħmel illum, kollok ferħana, full of joy, inti se tilqa’ lil Ġesù fil-qalb tiegħek, l-Ispirtu qaddis tiegħu. Mhux spirtu tal-biża; jew ta’ terrur, imma Spirtu ta’ ferħ, ta’ paċi, ta’ rażan, ta’ maħfra, ta’ qawwa, ta’ għaqal.

    Huwa Spirtu, aħna ngħidulu tal-Biża’ tal-Mulej, imma xi tfisser din? Li jien nittratta lil Alla ta’ Alla li hu. Dak huwa l-biża’ t’Alla, ta, mhux nitterrorizza ruħi minnu. Għax se jitfagħni l-infern, mhux dik. Jiena, jekk inħobb lil Alla nittrattah u nħobbu ta’ Alla li hu, fl-ewwel post. Il-kelma tiegħu mhux kelma ta’ xi ħadd ta’ din id-dinja, ħa ngħid hekk, imma l-kelma ta’ Alla mħabba, ta’ min ħalaqni, ta’ min jafni, ta’ min ħejja destin sabiħ għalik.

    Jiena nixtieqkom timitawh lil Żakkew. Żakkew meta jiltaqa’ ma’ Ġesù, tinbidel ħajtu. Jgħidlu: “Mulej, nofs ġidi se nagħtih lill-foqra” (v. 8). Nofs ġidi, mhux ċajta. “Se nieħu ħsieb lil dawk li għalik huma għeżież, għax inti meta se tiltaqa’ miegħi fl-aħħar ta’ ħajti se tgħidli: ‘kont bil-ġuħ u tmajtni, kont għeri u libbistni, kont marid u ġejt iżżurni, kont fil-ħabs u ġejt tarani’”.

    Żakkew jifhem mal-ewwel għax iltaqa’ veru ma’ Ġesù kif irid ikun bin Abraham, kif irid iħaddem ir-reliġjon tiegħu billi jiftakar fil-fqar. “Nofs ġidi nagħtih lill-fqar”. Tinsewhom qatt il-fqar. Ħadt pjaċir li xi ħadd minnkom fit-talbiet ta’ maħfra, ftakar ukoll fl-ambjent għax il-fqar tagħna mhumiex biss in-nies, imma anke l-ambjent. Aħna qegħdin nieħdu ħsiebu l-ambjent? Għaliex għandha tkun hawn grigalata u n-naħa ta’ hawnhekk jimtela’ bis-slime? Li kulħadd jaf minn fejn ġej allavolja min jagħmlu jgħid ‘mhux aħna’? Għaliex, mhux tort tagħna dan? Il-flus biss allura?

    Kien hemm xi ħadd qalli, se ngħidilkom kif smajtha. Qalli “Taf xi ġralna, Eċċellenza? We know the price of everything and the value of nothing’. Dik it-traġedja tagħna. Intom tridu taqilbuha rasha l-isfel u saqajha ’l fuq din il-kultura tar-regħba għall-flus, li qed teqridna, qed teqred lil pajjiżna, lill-ruħna, lill-landscape tagħna. L-Ispirtu qaddis tal-Mulej jagħtikom id-dawl that you know the value of everything, the value of the human being, the value of the family, the value of friendship, the value of love, the value of peace, and reconciliation, the value of creation.

    “Jekk qarraqt b’xi ħadd, inroddlu għal erba’ darbiet iżjed” (v. 8). Il-ġustizzja titlob li jekk jiena ħadtlek mitt Ewro, nerġa nagħtik 100 euros, jekk ikun għadda ħafna żmien ħa ngħidlu nagħtik l-interessi, imma Żakkew jgħid “għal erba’ darbiet iżjed”. Anki hu beda jifhem il-ġustizzja b’mod differenti. Bil-ġustizzja, bħal ma jgħid Ġesù, jekk xi ħadd talabni nimxi mil, nimxi tnejn miegħu, jekk talabni l-libsa, nagħtih il-mantar.

    Dan huwa Żakkew wara li ltaqa’ ma’ Ġesù, u intom? Intom u tirċievu l-Ispirtu qaddis  ta’ Ġesù, kif se tinbidlu? Min se tkunu minn hawn u għaxar snin oħra? Kieku nerġgħu nagħmlu reunion fit-2026, l-ewwel nett se tiġu? Jew tgħidu dawk affarijiet tan-nanna? X’se jiġri minnkom, mill-fidi tagħkom għaxar snin oħra? What sort of people are you going to become?

    Din hi r-responsabbiltà tal-parrini tagħkom u tal-ġenituri tagħkom ukoll. Ħafna jgħiduli “Monsinjur, inti x’tagħmlilhom fil-Griżma, għax kif tgħamlilhom il-Griżma rashom tibbies, issir taż-żonqor. Iżjed ormoni dawk milli d-dilka tal-Isqof, because as you grow up, you become more autonomous, raskom veru ssir taż-żonqor eh? Il-kelma le issir top of the pops per eżempju, le mal-ewwel, imbagħad jaħseb fit u jgħid: “forsi għandha raġun, forsi għandu raġun”. Intom se tiżviluppaw, se tikbru, aħna hekk nixtiequkom, imma nixtiequkom issiru, tikbru għax adolescents hekk tfisser, persuna li qiegħda tikber, timmatura. Adolescence ġejja mil-Latin ‘adolescen’ xi ħaġa li qiegħda tiżviluppa, qegħda tikber. Intom persuni qegħdin tiżviluppaw, qegħdin tikbru b’rata mgħaġġla, imma into what sort of persons are you going to become? 

    Allura l-parrini għandhom id-dover jitolbu għalikom jissapportjawkom u jkunu ta’ eżempju. Tliet affarijiet: li titlob għall-filjozz jew il-filjozza, imqar ‘Salve Regina’, jew ‘Sliema’ u ‘Qaddisa’.

    Sapport. Paceville bieb u għatba, il-belt tal-paċi. Verament għall-familja Pace kienet imsemmija, imma intom tafu li mhix il-belt tal-paċi? X’għażliet se nagħmlu? Hemm bżonn is-sapport tal-parrini. U l-eżempju. Tgħidlu: “mort il-quddies?”. Jgħidlek: “Inti mort?”. Il-kelma tqanqal u l-eżempju jkaxkar, jgħid l-Malti.

    Jiena nixtieq nirringrazzja ħafna lill-parroċċa li ppreparatkom, lill-ġenituri għax mingħajr il-koperazzjoni tagħhom intom ma tkunux hawnhekk illum, u nerġa’ nirringrazzja lill-katekisti. Nawguralkom ħafna, nirringrazzjakom. Il-Mulej iberikkom tal-paċenzja li ħadtu. Keep it up. Lilkom, għeżież żgħażagħ li dalwaqt se tirċievu l-Griżma, ngħidlkom kelma waħda ta’ l-aħħar. Fitttxu lil Ġesù bħalma għamel Żakkew, ħalluh jidħol id-dar tagħkom, ilqgħu dak kollu li fil-qalb tagħkom  jispirakhom il-Mulej biex tkunu ċittadini li verament tagħmlu unur lill-pajiż u lill-Knisja. God bless you.

     Charles J. Scicluna         
         Arċisqof ta’ Malta

  • Ritratti: Parroċċa San Ġiljan