Fl-ewwel jum taż-żjara tiegħu f’Kuba, il-Papa Benedittu XVI għaraf it-taqbida tal-kattoliċi wara nofs seklu ta’ komuniżmu. Huwa ddeskriva l-liberta umana bħala ħtieġa, kemm għas-salvazzjoni, kif ukoll għall-ġustizzja soċjali.
Il-Papa indirizza lill-ġemgħa fil-Pjazza tar-Rivoluzzjoni, fit-tieni l-ikbar belt ta’ Kuba. Huwa kien għadu kemm wasal Kuba, wara żjara ta’ tliet ijiem fil-Messiku. Kien irrappurtat li l-pjazza, li tiflaħ massimu ta’ 200,000 persuna, kienet mimlija, b’iktar eluf ta’ nies joħonqu t-toroq ewlenin li jwasslu għall-pjazza.
Għaċ-ċelebrazzjoni tal-Ewkaristija, il-President ta’ Kuba, Raul Castro, li ta merħba lill-Papa fl-ajruport, kien bilqiegħda fl-ewwel filliera.
Fl-omelija, il-Papa irrikonoxxa “l-isforz u l-element ta’ sagrifiċċju personali rikjest mill-kattoliċi Kubani fiċ-ċirkostanzi tal-pajjiż, anki quddiem l-istorja tiegħu”. Anki jekk illum iżjed tolleranti minn qabel għall-prattika tar-reliġjon, l-iStat komunista jkompli jillimita l-aċċess tal-Kattoliċi għall-mezzi tal-media tal-iStat u jżomm ukoll milli jinbnew knejjes ġodda.