L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi

“Resaq fuqu wieħed ċenturjun jitolbu bil-ħerqa” (Mt 8:5). Dan hu li naqraw illum fl-Evanġelju skont San Mattew fuq iċ-ċenturjun li mar jitlob bil-qawwa lil Ġesù biex ifejjaq lill-qaddej tiegħu li kien marid ħafna.

Aħna u niċċelebraw illum Jum il-Forzi Armati, nistedinkom biex inħarsu lejn dan iċ-ċenturjun li hu ta’ ispirazzjoni għall-membri kollha tal-Forzi Armati. Sa dakinhar li ltaqa’ miegħu, iċ-ċenturjun ma kienx wieħed minn dawk midħla ta’ Ġesù, imma jersaq lejh b’talba ħerqana.

Ordni

X’naraw f’dan iċ-ċenturjun? Kien bniedem ta’ responsabbiltà kbira, li jagħraf sew id-dmirijiet tiegħu. Fil-fatt lil Ġesù hekk jispjegalu x-xogħol tiegħu, jgħidlu li hu “bniedem taħt is-setgħa ta’ ħaddieħor, u jien stess għandi suldati taħti. Lil wieħed ngħidlu ‘mur’ u jmur; lill-ieħor ngħidlu ‘ejja’ u jiġi; u lill-qaddej ngħidlu ‘agħmel dan’ u jagħmlu” (Mt 8:9). Jidher li kien bniedem ta’ lealtà u ta’ dixxiplina – parti minn korp dixxiplinat – u jemmen li l-ordni hi verament importanti biex il-ħidma tista’ timxi ’l quddiem.

Qalb kbira

Imma, flimkien ma’ dan, kien ukoll bniedem ta’ qalb kbira. Għax kellu l-qaddej tiegħu “mixħut, mifluġ u batut wisq” (Mt 8:6), ħareġ minn triqtu u mar ifittex lil Ġesù biex ifejqu. Għalih il-qaddej kien importanti, il-ħajja tiegħu kienet tiswa, kien lest jagħmel minn kollox biex jieqaf miegħu fit-tbatija u jsiblu mezz ta’ fejqan.

Kemm huma sbieħ dawn iż-żewġ karatteristiċi flimkien: min-naħa l-waħda d-dixxiplina u l-ordni, u min-naħa l-oħra l-qalb kbira, murija fis-servizz bi mħabba u l-kura! Iċ-ċenturjun ma kellux l-idea li waħda teskludi lill-oħra, kif fil-fatt ma għandhiex waħda teskludi lill-oħra. Flimkien kienu jagħmlu ċenturjun tajjeb.

Fidi

Imma hemm ukoll xi ħaġa oħra f’dan iċ-ċenturjun. Ġesù jfaħħar il-fidi tiegħu. Anzi jgħid “f’ħadd f’Iżrael ma sibt fidi bħal din” (Mt 8:10). Għax iċ-ċenturjun lil Ġesù jgħidlu: “ordna biss b’kelma u l-qaddej tiegħi jfiq” (Mt 8:8). Hi din il-fidi li liċ-ċenturjun mexxietu lejn Ġesù u emmen li lanqas kellu għalfejn jieħdu miegħu d-dar biex ikun viċin il-qaddej. Biżżejjed jekk jgħid kelma waħda mill-bogħod. Ġesù faħħru liċ-ċenturjun, u hekk għamel. Qal kelma waħda u l-qaddej fieq. Il-fidi taċ-ċenturjun kienet fidi li wasslet għall-fejqan tal-qaddej tiegħu.

Ordni, qalb kbira, u fidi – dawn jurina ċ-ċenturjun tal-Evanġelju u nixtieq li tiftakruhom għall-ħidma tagħkom bħala membri tal-Forzi Armati ta’ Malta. Intom għandkom missjoni li hi tassew importanti għall-protezzjoni u d-difiża, għas-sigurtà ta’ pajjiżna. Nixtieq nuri l-apprezzament lejn tant membri tal-Forzi Armati li jaqdu r-responsabbiltajiet tagħhom b’integrità u b’onestà, ħafna drabi b’sagrifiċċju kbir, u jaraw fil-ħidma tagħhom servizz li qed jagħtu b’dedikazzjoni sħiħa lill-komunità.

Sens kbir ta’ servizz

Huwa dan li għandu jagħtikom sodisfazzjon kbir. Meta l-ħidma tagħkom tagħmluha b’dan l-ispirtu, tindunaw li għandha siwi kbir. Anke jekk kultant il-ħidma tagħkom ma tkunx tidher, jew ma tagħmilx ħafna ħoss, jew teħodkom f’postijiet barra minn Malta fejn tagħtu wkoll is-sehem tagħkom ma’ oħrajn anke fit-taħriġ ta’ oħrajn, din il-ħidma tkun ta’ valur kbir meta magħmula b’sens kbir ta’ servizz.

Protezzjoni tal-ħajja

Il-ħidma tagħkom hija dejjem marbuta mad-difiża u l-protezzjoni tal-ħajja, u hemm tistgħu aktar taraw kemm hi ħidma nobbli. F’kull ħtieġa li tinqala’, dejjem żommu f’moħħkom l-eżempju ta’ dak iċ-ċenturjun li kellu stima kbira għall-qaddej tiegħu u kien lest jagħmel minn kollox biex jipproteġi l-ħajja u s-saħħa tiegħu. Aħna hekk irridu nafuhom lis-suldati: dawk li għandhom dejjem fi ħsiebhom u f’qalbhom il-ħarsien tal-ħajja, b’attenzjoni speċjali għal dawk li huma vulnerabbli u f’qagħda mwiegħra.

Tlabna flimkien fis-Salm: “Il-Mulej u d-dawl u s-salvazzjoni tiegħi” (Salm 27:1). Nixtieqkom tiftakru li l-Mulej hu magħkom u jgħinkom bis-sħiħ fil-ħidma tagħkom. Intom tħabbtu wiċċkom ma’ diversi diffikultajiet waqt ix-xogħol, imma intom għandkom ukoll il-familji tagħkom fejn kultant ikun hemm it-tbatija. Kunu dejjem viċin il-Mulej biex jakkumpanjakom fil-mixja ta’ ħajjitkom u jkun il-qawwa u l-għajnuna tagħkom dejjem, imma l-aktar fil-mumenti verament ibsin. Kif jgħid San Pawl fit-Tieni Qari: “Twettqu fil-Mulej, u ssaħħu bil-qawwa tiegħu” (Ef 6:10).

Ħidma pastorali

Nixtieq nuri wkoll l-apprezzament għas-servizz taċ-Chaplain tal-Forzi Armati, Dun Joe Meli, li naf kemm għandu għal qalbu din il-ħidma pastorali, li hi rikonoxxuta mill-Forzi Armati. Is-servizz tiegħu hu espressjoni tal-Knisja li tixtieq tkun viċin tagħkom u tkun ta’ appoġġ għalikom fil-qadi tar-responsabbiltajiet tagħkom u f’dak kollu li taffaċċjaw f’ħajjitkom.

F’dan il-Jum tal-Forzi Armati, nitlob lill-Mulej biex ibierek lilkom ilkoll, u biex iżommkom dejjem taħt il-ħarsien tiegħu.

✠ Joseph Galea-Curmi   
    Isqof Awżiljarju

Aktar ritratti