Fr Raniero Cantalamessa

Il-predikatur tal-Papa Benedittu XVI, Patri Raniero Cantalamesa esprima d-dispjaċir tiegħu għall-fatt li d-diskors li huwa għamel fil-Ġimgħa l-Kbira fil-preżenza tal-Papa, seta’ offenda lil-Lhud. Matul il-liturġija dakinhar huwa qara minn ittra li qal li rċieva mingħand ħabib tiegħu Lhudi li kkwotah jara fl-attakki riċenti tal-media fuq il-Papa u l-Knisja in konnessjoni mal-abbużi sesswali minn membri tal-kleru, aspetti ta’ anti-semitiżmu.

Tali kummenti qajmu furur fost ħafna Lhud u ġabu anki reazzjoni minn membri tal-Knisja Kattolika.

Cantalamessa rreaġixxa u qal li “jekk, kontra l-intenzjoni tiegħi, offendejt is-sensibbilita tal-Lhud u l-vittmi tal-pedofelija, nitlob maħfra u nesprimi s-solidarjeta tiegħi magħhom. Irrid pero nikkjarifika li ħadd mill-Vatikan, lanqas il-Papa, ma talab li naqralu t-test tal-kitba tiegħi qabel. Dakinhar kulħadd sema’ xi ktibt għall-ewwel darba. Dan għalija huwa att kbir ta’ fiduċja”.

Patri Cantalamessa spjega mal-gazzetta IL CORRIERE DELLA SERA l-inmtenzjonijiet tiegħu għall-fatt li semma x’qallu l-ħabib tiegħu Lhudi. Irrepeta li semma dan, fid-dawl ta’ dak li kienu qed ifakkru l-Lhud fl-istess jum li l-insara kienu qed jiċċelebraw il-Ġimgħa l-Kbira. Qal li s-soltu din kienet iġġib magħha kunflitt u tbatija. Qal li propju għalhekk ried jaqsam x’inkiteb lilu, biex eventwalment jieħu l-opportunita li jsellem u jawgura lil-Lhud. Qal li ried ukoll jinqeda bl-okkażjoni biex jingħaqad f’solidarjeta mal-Papa fit-tbatija li żgur li sofra bl-attakki fuqu u fuq il-Knisja minħabba l-każi ta’ abbużi sesswali minn saċerdoti fuq it-tfal. Qal ukoll li l-Lhudi ħabib tiegħu hu Taljan u tah il-permess li jsemmih b’ismu, anki jekk hu ddeċieda ma jsemmiehx f’ġieħ il-prudenza.

Dakinhar tal-Ġimgħa l-Kbira meta tfaċċat ir-reazzjoni qawwija għal dak li qal il-Predikatur tal-Papa, Patri Raniero Cantalamessa, pront kienet l-istqarrija tad-Direttur għall-Uffiċċju Stampa tal-Vatikan, Patri Federico Lombardi, li qal li ma kienx fil-linja tas-Santa Sede li tagħmel tali kuntrast kif sar minn  Patri Cantalamessa, anki meta hu ċar x’kienet l-intenzjoni tiegħu. Lombardi pero ammetta wkoll li dak li ntqal mill-Patri, seta faċilment jiġi misinterpretat.