Il-Qdusija tiegħu Papa Benedettu XVI innomina lil Fr. Joe Bonello O.F.M., (Provinċja Franġiskana San Pawl Appostlu – Malta) bħala Isqof Koadjutur tad-djoċesi ta’ Juticalpa fil-Honduras.

Fr. Joseph Bonello O.F.M., twieled ix-Xagħra, Għawdex, nhar l-4 t’April 1961. It-tielet minn erbat itfal tal-mibkija Victor u Nazzarena Sultana. Beda n-Novizzjat tiegħu mal-Patrijiet Franġiskani (O.F.M.) nhar it-2 t’Ottubru 1977. Għamel il-Professjoni Temporanja nhar l-1 t’Ottubru 1978 u dik Solenni nhar it-28 t’Awissu 1983 fil-Knisja dedikata lil Marija Bambina, ix-Xaghra. Wara li ġie ordnat Djaknu nhar id-29 ta’ Ġunju 1984, huwa kien ordnat saċerdot minn Mons. Ġużeppi Mercieca nhar is-7 ta’ Lulju 1985.

Fr. Joseph għamel l-istudji tiegħu fl-iskola Primarja tax-Xagħra, fl-iskejjel Sekondarji tax-Xaghra, Victoria u l-Ħamrun. Studja l-Filosofija fil-kunvent tal-Patrijiet Minuri fir-Rabat-Malta w t-Teoloġija fl-INSERM (Istitut Nazzjonali Studji Ekkleżjastiċi għar-Reliġjużi Maltin).

Immedjatament wara l-ordinazzjoni saċerdotali tieghu, huwa wettaq il-ministeru tiegħu bħala Promotur Provinċjali tal-Vokazzjonjiet u Mastru tal-Postulanti. F’dan iż-żmien kien ukoll Definitur Provinċjali tal-Provinċja Franġiskana Maltija San Pawl Appostlu.

Minn Settembru 1989 huwa qeda l-ministeru tiegħu bħala missjunarju fl-Amerika Centrali, fil-parroċċa ta’ Santa Ana de La Libertad fid-Djoċesi ta’ Comayagua. Sar kappillan ta’ din il-parroċċa wara tliet snin bħala Viċi u baqa’ hemm sal-jum li nħatar Isqof Koadjutur ta’ Juticalpa.

Matul dan iż–żmien fil-missjoni huwa kien maħtur tliet darbiet bħala Kunsillier għall-Amerika Centrali tal-Fundazzjoni tal-Provinċja Franġiskana tal-Immakulata Kunċizzjoni ta’ New York. Nhar it-13 ta’ Novembru 2009  ġie nominat Vigarju Generali tad-Djoċesi ta’ Comayagua mill-isqof tad-djoċesi, Fr. Robert Camilleri O.F.M. Ta’ min jinnota li l-isqof Camilleri  kien  l-ewwel  Franġiskan  li  miegħu  Fr. Joe  beda l-mixja  vokazzjonali tiegħu waqt laqgħat organizzati fil-kunvent, li l-Patrijiet Franġiskani għandhom fl-Imġarr, Għawdex. L-isqof Camilleri kien ukoll wieħed mill-ewwel sħab li magħhom ħadem fil-missjoni (flimkien ma’ Fr. Angelo Falzon O.F.M.).

Fr. Joseph iddedika l-ħajja saċerdotali tiegħu għall-qadi tal-fidili fil-mixja tal-fidi tagħhom. Ħadem bla heda, b’mod sempliċi u konkret, b’risq id-dinjità tal-bniedem billi kien jippromwovi l-edukazzjoni, l-arti u l-formazzjoni fil-qasam tax-xogħol għaliex dejjem emmen u ħadem sabiex is-soċjetà tkun aktar umana u b’hekk tkun tista’ ssir aktar nisranija.

Għażel bħala motto tiegħu il-frażi “Patientia Omnia Potest” (Is-sabar jista’ kollox) għaliex il-ħajja tgħallem li s-sabar huwa l-għola virtù biex twettaq il-ġid u tittama li tkun aħjar: “Xandar il-kelma, insisti f’ waqtu u barra minn waqtu, ċanfar, widdeb, wissi, bis-sabar kollu u bit-tagħlim” (2Tim 4,2).

Juticalpa, bhala djocesi, twaqqfet fil-31 t’ Ottubru 1987 u hija mmexxija mill-Isqof  Mons. Tomas Andres Mauro Muldoon O.F.M. Din id-djocesi fiha 24.341 kilometru kwadrat u minn popolazzjoni ta’ 578.000, il-kattolici huma 530.000. Fiha insibu 13 il-parrocca, 22 sacerdot, li 11 huma qassisin u 11 religjuzi, 36 soru u 19 il-seminarista.

Il-Provinċja Frangiskana Maltija (O.F.M.), f’ isem il-Provinċjal u l-Patrijiet kollha, tifrah minn qalbha lill-Eċċ. Tiegħu Mons. Isqof Patri Joe Bonello O.F.M., tawguralu u tweghidu it-talb taghħa.