L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi

Il-Papa Franġisku, bħal-lum sena, għamel riflessjoni sabiħa fuq il-festa ta’ Marija mtellgħa s-sema. Qal hekk: “Meta l-bniedem niżel fuq il-qamar, frażi li baqgħet tissemma kienet: ‘Dan hu pass ċkejken għall-bniedem, imma qabża kbira għall-umanità’. Fil-fatt l-umanità kienet laħqet għan storiku.” U l-Papa Franġisku kompla: “Imma llum, bit-tlugħ fis-Sema ta’ Marija, qed niċċelebraw kisba infinitament akbar. Il-Madonna rifset il-ġenna: ma marritx hemm bl-ispirtu biss, iżda daħlet is-sema bil-ġisem ukoll, kollha kemm hi.”

Għalhekk il-festa tal-lum hi festa kbira għall-Knisja kollha. Tfakkarna f’Marija li kienet l-ewwel waħda li gawdiet mill-frott sħiħ tal-qawmien ta’ Kristu mill-mewt. Kif smajna lil San Pawl fl-Ewwel Ittra lill-Korintin jgħid, meta jitkellem fuq il-qawmien mill-imwiet: “l-ewwel Kristu, wara dawk li huma ta’ Kristu”. Marija kienet l-ewwel waħda li gawdiet b’mod sħiħ mill-frott tal-qawmien ta’ Kristu, billi hi ġiet imtellgħa s-sema bir-ruħ u l-ġisem.

Għandna destinazzjoni sabiħa

X’tgħidilna għall-ħajja tagħna din il-ġrajja speċjali? L-ewwel nett, Marija mtellgħa s-sema tfakkarna fid-destinazzjoni tagħna. Aħna mexjin lejn is-sema pajjiżna. Hi daħlet qabilna biex lilna wkoll tfakkarna li mexjin għal din id-destinazzjoni.

M’aħniex hawnhekk f’din il-ħajja biex ngħixu ftit snin, min iktar u min inqas, imbagħad kollox jispiċċa fix-xejn. Imma mexjin lejn destinazzjoni speċjali li hi s-sema pajjiżna. Għalhekk, kull darba li naraw lil Marija mtellgħa s-sema, lilna tħeġġiġna biex niftakru f’dan u biex ngħożżu din id-destinazzjoni li għandna.

Meta niftakru fejn irridu naslu, imbagħad jinbidel il-mod kif inħarsu lejn il-ħajja issa. Meta niftakru f’din id-destinazzjoni, lilna tagħtina kuraġġ, speċjalment fil-mumenti diffiċli tal-ħajja, fil-mumenti ta’ qtigħ il-qalb, biex qatt ma naqtgħu qalbna imma dejjem inkomplu mexjin lejn din id-destinazzjoni.

Tfakkarna wkoll li fil-ħajja rridu nagħmlu distinzjoni, irridu nagħżlu, bejn dak li jibqa’ u dak li jgħaddi. U ma norbtux qalbna ma’ dak li jgħaddi, li hu ta’ ftit mumenti u daqshekk, imma norbtu qalbna ma’ dak li jibqa’, u nużaw il-ġid li jgħaddi b’mod li qatt ma nitilfu l-ġid li jibqa’ għal dejjem.

Fit-triq lejn id-destinazzjoni

Marija tfakkarna wkoll mhux biss fid-destinazzjoni tagħna – fejn irridu naslu – imma wkoll kif irridu ngħixu biex naslu hemm, it-triq li twassalna għal din id-destinazzjoni.

Fl-Evanġelju tal-lum, hemm ħafna li jista’ jgħidilna fuq dan. Nixtieqkom tinnutaw l-ewwel nett kemm hi ġrajja sabiħa din li għadna kif smajna fl-Evanġelju, fejn għandna żewġ nisa li jiltaqgħu flimkien, Eliżabetta u Marija, li jifirħu flimkien, li jfaħħru lil Alla flimkien. Imma dawn iż-żewġ nisa, huma stess jenfasizzaw li f’din il-ġrajja m’hemmx tnejn imma, fil-fatt, hemm erbgħa: hemm ukoll it-tarbija ta’ Eliżabetta, Ġwanni l-Battista, u hemm it-tarbija ta’ Marija, Ġesù. Aħna naraw tnejn imma huma erbgħa.

Ngħożżu l-ħajja

Għalhekk hemm ċelebrazzjoni tal-ħajja f’din il-ġrajja sabiħa. Eliżabetta, fil-kliem tagħha, tfakkarna li l-ħajja hi għażiża, u hi għażiża mill-ewwel mument tat-tnissil tagħha. Eliżabetta ma tgħidx: għax meta smajt it-tislima tiegħek, iċ-ċelloli li hemm fija qabżu bil-ferħ, dawn huma xi ħaġa u li xi darba se jsiru xi ħadd. Imma qalet: “it-tarbija qabżet bil-ferħ”, għax tagħraf li fiha hemm it-tarbija, bħalma f’Marija hemm it-tarbija.

Għalhekk hi ċelebrazzjoni tal-ħajja, u l-ewwel messaġġ importanti li tgħaddilna din il-ġrajja hi li nħejju ruħna għas-sema pajjiżna billi ngħożżu l-ħajja, ngħożżu l-ħajja li tana Alla mill-ewwel mument tat-tnissil tagħha, meta hemm diġà l-bniedem, meta hemm diġà x’tiċċelebra, bħalma ċċelebraw flimkien Marija u Eliżabetta.

Il-fidi ssostnina

Din il-ġrajja tfakkarna wkoll kemm hi importanti għalina l-fidi li tmexxina f’din it-triq. Eliżabetta tgħid fuq Marija: “Hienja dik li emmnet”, u Marija hi dejjem il-mara ta’ fidi. Sa mill-ewwel mument meta niltaqgħu magħha, proprju fil-ġrajja meta l-anġlu Gabrijel iħabbrilha li se tkun omm Alla u hi taċċetta, hemmhekk diġà tidher qawwija l-fidi tagħha. Imma tul ħajjitha kollha sa taħt is-salib, fejn hi l-akbar prova tal-fidi, Marija tibqa’ temmen u għalhekk dal-kliem ta’ Eliżabetta “Hienja dik li emmnet” turina l-ħajja ta’ fidi ta’ Marija.

Il-Papa Franġisku għandu espressjoni sabiħa fuq Marija. Jgħid li Marija hi dik l-omm li daħlet qabilna biex issa tistenniena bħala ommna.

Lilna tfakkarna li aħna u mexjin lejn din id-destinazzjoni tas-sema pajjiżna, hi l-fidi li tmexxina, il-fidi li tagħmlilna kuraġġ, il-fidi li Alla qiegħed dejjem magħna u qed isostnina fil-ħajja tagħna, anke fil-mumenti ta’ dlam, bħalma Marija għaddiet minn mumenti ta’ dlam f’ħajjitha.

Infaħħru lill-Mulej

Imbagħad hemm dan l-innu sabiħ. Hemm ħafna affarijiet li tgħid Marija fl-innu tal-Magnificat, imma nsemmi punti żgħar li enfasizza l-Papa Franġisku f’dan l-innu tal-Magnificat. Marija tgħid: “Ruħi tfaħħar il-kobor tal-Mulej, u l-ispirtu tiegħi jifraħ f’Alla s-salvatur tiegħi”. Il-Papa Franġisku jgħid: Marija tfaħħar il-kobor ta’ Alla. Marija titkellem fuq il-kobor ta’ Alla, mhux fuq il-kobor tal-problemi tagħha, tal-problemi li kienet għaddejja minnhom. Kellha ħafna diffikultajiet, imma enfasizzat il-kobor ta’ Alla. U tfaħħar lil Alla: “Ruħi tfaħħar il-kobor tal-Mulej”. Bi kliemha, b’ħajjitha, Marija kienet tfaħħar lil Alla.

Dan hu messaġġ importanti għalina fil-mixja tagħna lejn id-destinazzjoni, is-sema pajjiżna: li ħajjitna, u anke kliemna għandu jkun ta’ tifħir lil Alla, u ta’ tifħir lil ommu Marija. Kemm hu sabiħ li spiss ngħidu “Ikun imbierek Alla”, “Ruħi tfaħħar il-kobor tal-Mulej”! Aħna nafu x’ħasra f’pajjiżna li kull fejn timxi, dejjem tisma’ t-tkasbir ta’ Alla u tal-Madonna. Jien nimxi ħafna fit-toroq, u tolqotni kemm nisma’ kultant ħierġa anke minn xi djar mhux il-kliem ta’ Marija “Ruħi tfaħħar il-kobor tal-Mulej” imma kliem ta’ tkasbir lil Alla. Forsi bniedem ma jkunx jaf, ikun mitluf. Veru, imma kemm hu importanti li fina jkollna din l-attitudni ta’ tifħir lil Alla, li mbagħad toħroġ b’mod naturali! Bħalma xi wħud toħorġilhom naturali li jkasbru lil Alla u lill-Madonna bi kliemhom, hekk għandha toħroġ b’mod naturali, jekk ikollna fina l-ispirtu ta’ Marija “Ruħi tfaħħar il-kobor tal-Mulej”. U nuruh dan bi kliemna, u nuruh dan b’għemilna, bil-ħajja kollha tagħna li tkun ħajja ta’ tifħir lil Alla. Hi din li tmexxina lejn id-destinazzjoni, is-sema pajjiżna. Iktar ma aħna kliemna jkun ta’ tifħir lil Alla, iktar qed inħejju ruħna għall-mument meta niltaqgħu miegħu wiċċ imb wiċċ. U għalhekk dal-kliem ta’ Marija hu għajnuna għalina f’din il-mixja.

Alla jaħdem b’min hu umli

Marija tgħid ukoll: “Hu xeħet għajnejh fuq iċ-ċokon tal-qaddejja tiegħu”. Alla għamel l-affarijiet il-kbar fl-istorja, bħalma turina Marija u jurina Ġużeppi, proprju permezz ta’ nies umli. Nies li, għax kienu umli, ħallew l-ispazju għalih. Ma kinux imkabbra u jokkupaw l-ispazju kollu huma, imma ħallew l-ispazju għal Alla biex jaħdem, u biex permezz tagħhom jagħmel ħwejjeġ kbar. Dan hu messaġġ għalina f’din it-triq li teħodna għad-destinazzjoni tagħna: li aħna għandna nkunu umli bħal Marija, billi nagħrfu li Alla jaħdem fina u nħalluh jaħdem fil-ħajja tagħna billi nagħtuh l-ispazju.

Bieb tas-sema 

Fl-aħħar mill-aħħar, din hi t-triq li teħodna lejn is-sema pajjiżna. Il-Papa Franġisku għandu espressjoni sabiħa fuq Marija. Jgħid li Marija hi dik l-omm li daħlet qabilna biex issa tistenniena bħala ommna. Lilna tagħmlilna l-kuraġġ. Hi bħal dawl fil-ħajja tagħna, sinjal li lilna jgħinna fil-ħajja tagħna. Nafu li qiegħda hemm biex lilna tistenniena, aħna li aħna pellegrini fuq din l-art. Għalhekk biex tgħinna f’ħajjitna nwarrbu dak li hu frugħa, dak li hu ta’ tfixkil u jimla lil qalbna bi spirtu ħażin, u nagħżlu dak li hu tajjeb, li jħejjina tassew għal din id-destinazzjoni fejn marret qabilna hi. Fl-aħħar mill-aħħar, hu dan l-iskop ta’ ħajjitna. Tajjeb niftakru, f’din il-festa li qed niċċelebraw illum, fil-kliem sabiħ tal-Papa Franġisku, fejn jgħid li fl-aħħar insibu, fuq l-għatba tas-sema, din l-omm li tistenniena.

✠ Joseph Galea-Curmi   
    Isqof Awżiljarju