Pope in Castel Gandolfo

Fil-messaġġ tiegħu qabel it-talba tal-Angelus mill-bitħa tal-Palazz Appostoliku ta’ Catesl Gandolfo fin-nofsinhar ta’ Ruma, il-Papa Benedittu XVI iffoka r-rimarki tiegħu fuq il-liturġija tal-ġurnata meħuda mis-sitt kapitlu tal-evanġelju ta’ San Ġwann, fejn Ġesu jirrivela lilu nnifsu bħala l-Ħobż tal-Ħajja.

“Anki jekk il-ġid materjali hu importanti, Ġesu jrid jgħin lill-bniedem jimxi iktar ‘il quddiem mis-sodisfazzjon immedjat lid an jagħti”. Hekk qal il-Papa waqt li spjega li l-Mulej irid jiftħilna orizzont ta’ eżistenza li mhuwiex sempliċiment marbut mal-affarijiet ta’ kuljum, bħall-ikel, ix-xorb, l-ilbies u x-xogħol. Qal li “Ġesu jitkellem dwar ikel li ma jispiċċax, l-ikel li rridu nfittxu”.

Din kienet it-tema li l-Papa indirizza anki wara l-Angelus meta talab li ż-żjara tal-pellegrini f’Ruma tqarribhom iktar lejn Ġesu. Qal li fil-vanġelu tal-Ħadd Ġesu jgħid lin-nies, “Jien hu l-Ħobż tal-Ħajja. Min jiġi għandi ma jieħdu qatt il-ġuħ, u min jemmen fiha ma jkun qatt bil-għatx”.

Il-Kap tal-Kattoliċi ħeġġeġ sabiex kulħadd jafda f’Ġesu, sabiex kulħadd jafda fil-wegħdiet tiegħu, sabiex ilkoll ikollna l-ħajja bil-kotra.

F’Castel Gandolfo fejn qed iqatta’ l-btajjel tas-sajf tul Awwissu, il-Papa Benedittu XVI qed jistrieħ, waqt li qed jissokta bil-proġetti letterarji tiegħu. Kif imħabbar mill-Uffiċċju Stampa tal-Vatikan il-ġimgħa li għaddiet, il-Papa lesta t-tielet u l-aħħar volum tax-xogħol teoloġiku tiegħu Ġesu ta’ Nażaret, li issa qed jiġi tradott f’lingwi differenti.