Il-Maratona Oħloq Tbissima, maratona ta’ 60 siegħa xandir live b’risq is-Soċjeta’ Missjunarja ta’ San Pawl (MSSP), għadha kif intemmet.

Is-sittin siegħa kienu mimlija attivita.  Il-pubbliku ipparteċipa f’quddies, rużarju u mumenti oħra ta’ talb. Segwa wkoll filmati esklussivi, djalogu dirett mal-missjunarji permezz ta’ Skype, diskussjonijiet, interviszi mal-voluntiera li akkumpanjaw lil-President ta’ Malta Dr. George Abela fl-esperjenza missjunarja fil-Peru fix-xahar ta’ Lulju, Rokna għat-tfal,  Musichiere, Il-Festival Żifna mal-Istilel u diversi  varjetajiet immirati biex jolqtu l-gosti tal-familja kollha, fejn wieħed seta’ japprezza l-livell għoli tat-talent Malti u Għawdxi.

Marthese Brincat f’messaġġ li wasslet għall-eqħluq irringrazzjat lil kull min b’xi mod jew ieħor ipparteċipa u ħadem biex din il-maratona setgħet tkun possibli.  Hija fissret kemm il-kontribut ta kull persuna huwa uniku u jgħin il-maratona tkun waħda ta’ suċċess kif reġgħet kienet din is-sena.

Fil-kelmtejn ta’ l-egħluq  Fr. Louis Mallia  mssp  irringrazzja mill-qalb lil kull min ta s-sehem tiegħu biex din il-Maratona għal sena oħra reġgħet kienet esperjenza sabiħa u ta’ suċċess.  Huwa qal li din is-sena nħoloq pont bejn il-Voluntiera li ta’ kull sena jgħinu f’din il-Maratona u l-Voluntiera li marru l-Peru mal-President.   Kif spjega Fr. Louis, is-sabiħ hu li lkoll konna qed naħdmu għal għan wieħed.  Huwa żied jgħid kemm hu importanti li kulħadd iżomm f’qalbu l-paċi li tagħti din l-attivita’.

Il-Maltin u l-Għawdxin għal darb’oħra reġgħu wrew l-appoġġ tagħhom billi taw donazzjonijiet u b’hekk  intlaħħqet iċ-ċifra sabiħa ta’ €183,441.63 li tħabbret fi tmiem il-Maratona, li ntemmet bl-innu Oħloq Tbissima.

Kull min jixtieq jagħti d-donazzjoni tiegħu jista’ jagħmel dan billi jċempel fuq:

€10                  51602004

€15                  51702007

€25                  51802009

SMS €4.66       50618099

Il-linji tat-telefon jibqgħu miftuħin sal-15 t’ Awwissu.

Photos by: DOI – Saviour Cassar