L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

Ġesù nafuh biżżejjed, ma tantx jogħomdhom il-kliem, imma jagħtina ħjiel fuq xiex irridu nimxu fil-ħajja tagħna għax aħna lkoll b’xi mod ipokriti, jiġifieri aħna, anke jekk għandna xewqa ngħixu tajjeb kultant nogħtru għax dgħajfin, midinibin. U allura ċ-ċanfira ta’ Ġesù tgħodd għal kull wieħed u waħda minna. Min jaħseb li Ġesù mhux qed ikellmu, iħares sewwa lejn il-mera imma lejn il-qalb tiegħu l-iżjed.

Ġesù qed jgħidilna: “X’inhu l-aqwa fil-Liġi” jiġifieri x’inhu l-aqwa fir-rieda tal-Missier? “Il-ġustizzja, il-ħniena, is-sinċerità (Mt 23:23). Ejjew nagħmlu eżami tal-kuxjenza fuq dawn it-tlieta.

Il-karità trid tiggwida s-sinċerità tiegħek.

Il-ġustizzja

Jiena qed nittratta l-proxxmu kif suppost? Inħobbu bħalma nħobb lili nnifsi u nħobbu wkoll billi d-drittijiet tiegħu nagħrafhom, nirrikonoxxihom u fl-istess ħin id-doveri tiegħi nagħmilhom ukoll b’qalb safja? Għax dik hi l-ġustizzja: tagħti lil kulħadd dak li jmissu.

Il-ħniena

Għax aħna nitkellmu fuq il-ġustizzja imma l-ħniena trid tkun għax inkella ma nkampawx. U Ġesù wara jpoġġi l-ħniena flimkien mal-ġustizzja fil-qalba tal-Liġi.

Is-sinċerità

Is-sinċerità hi dik il-balzmu tar-relazzjonijiet ta’ bejnietna. Meta nqarrqu b’xulxin, ningannaw lil xulxin, inkunu qed navvelenaw ir-relazzjonijiet ta’ bejnietna. Mentri s-sinċerità, anke fl-umiltà, anke li tgħid: ‘isma’ jiena ħadt żball, paċenzja, ħadt żball’. Kun sinċier. Jew bniedem li għamel xi ħaġa tajba tgħidlu ‘proset’. Kultant it-tikka għira li jkollna għal xulxin, lanqas dik ma ġġagħalna nkunu sinċieri li t-tajjeb ngħidulu ‘tajjeb’ u l-ħażin ngħidulu ‘ħażin’ għax inti xi ħadd li għandek bżonn xi ħaġa mingħandu, ma tafx int, tiksih bil-mantikilja. Ikun hemm nuqqas ta’ sinċerità kultant ukoll.

Ma jfissirx li biex tkun sinċier, ikun hemm min jgħidli: ‘jiena sinċier’, allura dak li jkun tibda tgħidlu dak kollu li għandu u li m’għandux ‘għax jiena sinċier, ta’ żaqqi f’fommi sinjur, jien’. Hemm sinċerità u sinċerità, għax il-karità hi fuq kollox. Ma tistax tkun sinċier u tinsa l-ġustizzja u l-ħniena.

Għax aħna m’hemmx biss il-kalunja, pereżempju. Ħa nieħdu d-diskors m’hemmx biss il-kalunja. Il-kalunja nivvinta gidba fuqek. Dik il-kalunja. Il-malafama hi meta jiena naf difett tiegħek, kemm fiżiku, kemm morali, u nxandru. Dik mhix kalunja għax inti qed tgħid li hu. Imma hemm għalfejn ixxandru ’l dak li jkun? Dik malafama. Dik ukoll nuqqas ta’ karità. Aħna ħafna drabi ngħidu: ‘jien sinċier’. Orrajt imma l-karità trid tiggwida wkoll is-sinċerità tiegħek.

Il-Fariżej kienu attenti ħafna fl-ilbies, fir-ritwal. Ġesù ma jikkundannax dan kollu. Jgħidilhom imma meta tagħmlu dan, ħudu ħsieb il-qalba: il-ġustizzja, il-ħniena, is-sinċerità.

Imbagħad jagħtina wkoll il-kejl ta’ dak li ngħidu persuna sabiħa minn ġewwa. Il-persuna sabiħa minn ġewwa hi dik li għandha qalbha safja, li għalkemm konxja mid-dgħufija tagħha, mid-dnubiet tagħha wkoll, tagħmel ħilitha kontinwament. Lil Alla tgħidlu: ‘għandi bżonnok’. Lil Alla tgħidlu: ‘tħallinix ninfired minnek’ u lill-proxxmu tħares lejh bl-istess nuċċali ta’ Alla. Dik il-qalb sabiħa tidher anke fil-ħarsa tal-għajnejn, fil-bixra tal-wiċċ. U Ġesù għandu raġun: jekk ġewwa hu sabiħ jidher ukoll minn barra.

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Qari tal-quddiesa
Qari I: 2 Tess 2:1-3a,13-17
Salm: 138 (139):1-3,4-6
L-Evanġelju: Mt 23:23-26