Sr Bartholomea Gauci fit-12 ta’ Jannar għalqet 100 sena!
“Għandna bżonn nidħlu fil-GPS ta’ Ġesù għax dik hija l-unika triq li twasslek għall-ġenna,” hekk stqarret Sr Bartholomea meta Newsbook.com.mt iltaqa’ magħha lejliet għeluq sninha. Il-ġurnal skopra minn fejn ġiet is-sejħa tagħha, l-involviment tagħha fil-parroċċa ta’ San Bastjan u l-imħabba ferventi li għandha għal Kristu. Magħha kantajna wkoll ‘happy birthday’ u għoddejna sal-100!
L-isem propja tagħha, qabel daħlet soru Agostinjana hu Maria Antonia, biss kienu jgħajtulha Tona.
Hi Għawdxija u kienet tattendi l-iskola primarja ta’ Kerċem. Kienu magħrufa bħala “Ta’ Wistin” minħabba li missierha kien jismu Wistin. In-neputijiet qalul li nannuhom kien fratell u kellu imħabba kbira għal Santu Wistin.
Mistoqsija dwar l-isbaħ jum ta’ ħajjitha hi tirrakkonta x’kien seħħ meta fis-16 ta’ Lulju “għażilni għalih.” Hi kienet marret tqerr għand il-Patrijiet Agostinjani, dak li s-soltu kienet tmur tqerr għandu ma kienx qiegħed hemm għax niżel għall-festa tal-Karmnu. Kien hemm Patri Anġ Pizzuto, predikatur li kienet diġà semgħetu jippriedka qabel. Hu beda jitkellem fuq il-ħajja tagħha, qalilha l-Mulej iridek għalih, stqarret, “Għal soru mela” u qalilha ddumx għax diġà għandek 27 sena. Kien propju fil-1 ta’ Ottubru, 1951 tal-istess sena li mxiet fuq is-sejħa li kellha u daħlet mal-Ordni tal-Agostinjani fil-kunvent ta’ Ħal Qormi.
Mistoqsija jiddispjaċihiex hi wieġbet li lanqas xejn għaliex qalet li ma hemm xejn isbaħ milli tkun ħabib ma’ Ġesù, “Li tagħmel ħabib mal-Mulej m’hemmx aħjar minnha dik. Esseri inviżibbli imma ħaj. Jeżisti, jħobbok, jisimgħek, huwa kollox.“
Kompliet tgħid li aħna kreaturi spiritwali “imbagħad hemm żewġ toroq; il-ġenna u l-infern.” Hija għamlet ukoll referenza għal Madonna ta’ Fatima li qalet li din urithom lit-tfal ħalli jitolbu għall-midinbin u biex iħeġġu lin-nies jgħixu ħajja tajba.
Għal sentejn, Sr Bartholomea għallmet fl-iskejjel ta’ Birkirkara u l-Mosta sakemm fl-1959, bdiet tgħallem f’Ħal Qormi stess u kienet tieħu ħsieb il-kappella tal-kunvent. Fl-1976, fuq talba tal-kappillan tal-Parroċċa ta’ San Sebastjan, hi bdiet taħdem fl-uffiċċju tal-Knisja u żammet din il-kariga amministrattiva sal-2006.
Irrakontat mumenti mill-ħidma tagħha f’Ħal Qormi, fi żmien li kienet qed tinbena l-knisja, għadha tiftakar lill-perit ġej u sejjer iċempel lill-ħaddiema. Semmiet ukoll li kienu sabu problema biex jgħalqu l-koppla meta kienu qed jibnuha. Kien Italo Ranielo, perit li studja l-Iskozja, li kien irnexxielu jsib is-soluzzjoni, dik li l-koppja tingħalaq bil-konkrit u hekk ġara snin ilu.
Sa ftit ilu hi baqgħet attiva tattendi l-laqgħat kollha tal-Ordni flimkien mal-kumplament tas-Sorijiet u kienet is-sagristana tal-kunvent. L-hena tagħha ddoqq il-qanpiena tal-quddiesa filwaqt li rrimarkat kemm hi sabiħa l-quddiesa u t-talb li jitlob is-saċerdot waqt il-quddiesa.
Mistoqsija dwar is-sigriet ta’ ħajja twila hi stqarret, “X’naqbad ngħid? Il-Mulej għenni.” Kuljum titlob, “Ġesù għenni, Ġesù berikni, Ġesù jkollok ħniena minni.” Kompliet tgħid li aħna l-Insara fid-79 parroċċa f’Malta u l-14 f’Għawdex għandna niffukaw il-ħarsa tagħna fuq Ġesù, “għandna niftħu qalbna beraħ għal Mulej Ġesù ħalli hu jsaltan fina ż-żmien kollu ta’ ħajjitna.”
Fl-2019 semgħet priedka fuq Ġesù rebbieħ, u tħoss li kibret l-imħabba tagħha għal Ġesù. Hi f’dak il-punt qalet, “aħna ma għamilnilu l-ebda festa, lis-salvatur.” Enfasizzat li din il-festa ta’ għeluq sninha se tkun l-aktar fuq Ġesù aktar milli fuqha.
Hi kellha wkoll appell għaż-żgħażagħ biex iħobbu lil Mulej, “jiftħu qalbhom għal Mulej, aħna mhux se nibqgħu hawn, irridu mmoru l-ġenna, irridu nagħmlu ħbieb ma’ Ġesù. Trid titkellem ma’ Ġesù f’kull mument tal-ġurnata, jiena dejjem għaddejja nredden.”
Newsbook tkellem ukoll man-neputijiet Maria Micallef u Carmen Formosa dwar dik li huma jirreferu għaliha bħala z-Zija Tona. Huma jgħidu li hi baqgħet attiva u qatt ma semgħuha tgerger. Carmen tiftakar meta ġiet il-banda għaliex Sr Bartolemea kienet għadha kemm laħqet għalliema, li għal dak iż-żmien kienet ħaġa kbira li persuna tilħaq għalliema, “qisek qed tgħid laħqet Prim Ministru!” stqarret Maria.
Mistoqsija x’inhi l-isbaħ memorja tagħhom, Maria stqarret, “Dejjem tkellimni fuq Alla biex inħobbu, mhux biex inħobbu jiena biss imma anke uliedi u l-familji tagħhom ukoll.” Hi semmiet li qattgħet ftit taż-żmien magħha meta kienet segretarja, il-kappillan kien talabha tmur tgħinnha u l-ewwel kelma li qaltilha kienet biex tikteb pulit għax dawk ir-reġistri kienu se jibqgħu hemm għal dejjem, Sr Bartholomea tikteb pulit ħafna!
Carmen, li wkoll ikkonfermat kemm Sr Bartholomea tħeġġiġhom jitolbu, niżlet mill-Awstralja biex iżżuraha! Lil Carmen l-aħħar li ratha qaltilha li se tagħlaq il-100 sena u kienet diġà taf li se jaħbat il-Ġimgħa u stqarret “se nagħmlu festa kbira” u wegħditha li jekk it-tnejn jibqgħu f’saħħithom tagħmel minn kollox biex tivjaġġa tant mill-bogħod biex tiġi għal din iċ-ċelebrazzjoni.
Semmew li meta kienet xebba kienet għalliema, b’Maria tirrakkonta li Sr Bartholomea u għalliema oħra li maż-żmien daħlet soru Dumnikana, 80 sena ilu kienu jmorru l-Għarb bil-mixi. Ġieli għamlu penitenza li mid-dar sal-iskola ma jitkellmux!
Maria tiftakar il-ġurnata li Sr Bartholomea telqet mid-dar, meta n-nannu ħadha l-kunvent filwaqt li Carmen tiftakarhom jitkellmu bħala familjari peress li kienet għadha iżgħar ma kinitx qed tifhem x’inhu jseħħ.
Il-frażijiet li l-aktar jibqgħu jiftakru n-neputijiet tagħha huma, “itlob u agħti eżempju tajjeb lil uliedek”, kif ukoll “two persons who pray together stay together.”
Sors: Newsbook Malta