L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi

“Hieni dak il-qaddej li sidu jiġi u jsibu jaqdi dmiru” (Mt 24:46). Dan il-kliem Ġesù jgħidu ftit qabel ma jirrakkonta l-parabbola tal-għaxar xebbiet, u huwa l-kliem li fil-fatt ifisser il-messaġġ importanti tal-Evanġelju meta jgħid din il-parabbola.

Hawnhekk Ġesù,  meta jsemmi dawn l-għaxar xebbiet – ħamsa kienu għaqlin u ħamsa kienu boloh – li kienu qed jistennew l-għarus, qed ifisser dak li aħna rridu nagħrfu f’ħajjitna, għax f’mument jew ieħor se niltaqgħu ma’ Ġesù fi tmiem ħajjitna. Qed jinsisti kemm hu importanti li aħna nkunu għaqlin, jiġifieri li nkunu ppreparati.

Il-musbieħ mixgħul

Meta jsemmi l-għaxar xebbiet jistennew l-għarus, qed jorbotha mad-drawwiet taż-żmien. Imma t-tifsira li jagħti hu li hemm bżonn li jkollna l-musbieħ tagħna mixgħul. X’ifisser il-musbieħ mixgħul? Nistgħu napprezzaw it-tifsira ta’ musbieħ mixgħul meta niftakru li fi żmien Ġesù  fis-santwarju kien ikollhom musbieħ jixgħel, li kien ifisser l-għaqda ma’ Alla. Ma kienx iħalluh mitfi, għax kien ikun sinjal li ma hemmx din l-għaqda ma’ Alla. Aħna llum għandna x-xemgħa fuq il-lampier fin-nofs tal-knisja li għandha din it-tifsira, u tfisser din l-għaqda ma’ Alla. Din l-għaqda tintwera fil-knisja, imma trid tintwera mhux biss fil-knisja imma wkoll fl-għemil tagħna ’l barra mill-ħitan tal-knisja, għemil li jkun tassew juri l-fidi tagħna. Din hija t-tifsira tal-musbieħ mixgħul.

Għalhekk Ġesù qed jgħid: f’ħajjitna importanti li nżommu dan il-musbieħ mixgħul. Irid ikollna dak iż-żejt – jiġifieri l-imħabba li ġejja minn Alla u li tintwera fl-għemil tagħna – biex iżomm il-musbieħ jixgħel.

Għax ma għamlux att ta’ karità?

Jista’ jkun li tiġina domanda meta nisimgħu din il-parabbola. Għax fil-mument l-iktar importanti, meta jasal l-għarus, ix-xebbiet li ma kellhomx żejt iduru fuq dawk li kellhom u jagħmlulhom talba: “Agħtuna ftit żejt minn tagħkom għax l-imsiebaħ tagħna jintfew” (Mt 25:8). U dawn ma jgħinuhomx; flok jagħtuhom ftit żejt, jibagħtuhom għand tal-ħanut biex jixtru. 

Għaliex ma għamlux karità ma’ dawk li kienu fil-bżonn, għaliex ma għenuhomx? Ma setgħux għamlu karità magħhom la qed jitolbuhom biex jgħinuhom? Ma kienx Ġesù stess li fil-parabbola tas-Samaritan it-Tajjeb jirrakkonta li kien hemm wieħed li ħallewh għal mejjet fit-triq u għaddew il-qassis u l-levita u ma għenuhx, imma mbagħad għadda wieħed samaritan, waqaf, ħareġ iż-żejt biex idewwih, u għenu f’dak kollu li kellu bżonn? Mhux lilu faħħar Ġesù talli kien proxxmu? Għaliex hawnhekk le, ma hemmx karità?

Din hi domanda tajba, u turina kemm hu importanti li aħna nifhmu t-tifsira tal-parabbola li qed jgħid Ġesù. Hawn mhux qed jitkellem fuq il-karità li għandna nagħmlu. Fuq din jinsisti ħafna u kemm-il darba. Hawn qed jgħid ħaġa differenti u importanti ħafna. Qed jgħid li fit-tmiem ta’ ħajjitna, aħna se nkunu responsabbli, kull wieħed u waħda minna, tagħna nfusna. Dak hu l-musbieħ mixgħul.

Responsabbiltà li rrid nerfa’

F’dak il-mument irridu nerfgħu r-responsabbiltà tagħna. Ma nistgħux ngħidulu lill-Mulej: għax ma tarax lil dak jew lil dik li għamlu agħar minni? Jew inkella: jien kont imġiegħel nagħmel dan, ma ridtx imma ġagħluni! Dak il-ħin ma nistax indur fuq ħaddieħor, dak il-ħin jien inkun waħdi quddiem il-Mulej. Ġesù qed jgħid kemm hu importanti li aħna nagħrfu nerfgħu r-responsabbiltà tagħna, għax ma nistgħux inserrħu fuq l-oħrajn, jew induru fuqhom biex jagħtuna palata.  Għalhekk qed jgħid: “Hieni dak il-qaddej li sidu jiġi u jsibu jaqdi dmiru”. Hemm hu l-messaġġ ċar tal-parabbola.

Mhuwiex messaġġ ta’ biża’

Dan Ġesù jgħidu mhux biex ibeżżagħna. Fil-kelma ta’ Alla, din dejjem tolqotna: Ġesù ma jridx inissel fina l-biża’, imma jrid li jgħidilna r-realtà kif inhi,  biex aħna nagħrfu kif għandna ngħixu. Jekk naqdu d-dmirijiet tagħna, ma għandniex għalfejn nibżgħu. Meta jgħid “Ishru, mela, għax la tafu l-jum u lanqas is-siegħa” (Mt 25:13), mhux biex ibeżża’ jgħid hekk, imma biex jgħinna ngħixu ppreparati. Għalhekk jitlob minna li nkunu magħqudin miegħu dejjem, u din l-aqwa tħejjija. 

Nitolbu lill-Mulej biex ngħixu l-ħajja tagħna mhux bil-biża’ imma b’għaqal, b’għarfien sħiħ tar-realtà, u nitolbuh jagħtina l-grazzja li l-musbieħ tagħna jkun dejjem mixgħul ħalli nkunu ppreparati meta niltaqgħu miegħu wiċċ imb’wiċċ.

✠ Joseph Galea-Curmi   
    Isqof Awżiljarju