Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb u l-Ħadd it-tajjeb!

Illum, l-Evanġelju joffrielna storja li tolqot is-sens tal-ħajja tagħna lkoll.  Hi l-parabbola tal-għaxar xebbiet imsejħin biex imorru jiltaqgħu mal-għarus (cfr Mt 1-13). Dan hu l-għajxien: tħejjija kbira għall-jum li fih se nkunu msejħin biex niltaqgħu ma’ Ġesù! Iżda fil-parabbola, minn dawk l-għaxar xebbiet, ħamsa huma għaqlin u ħamsa boloħ. Naraw għalhekk xi jfissru l-għaqal u l-bluha. L-għaqal tal-ħajja u l-bluha tal-ħajja.

Dawk id-damiġelli kollha qegħdin hemm biex jilqgħu lill-għarus, jiġifieri jridu jiltaqgħu miegħu, kif aħna wkoll nixtiequ li ħajjitna tkun ħienja: id-differenza bejn l-għaqal u l-bluha għalhekk mhix ir-rieda tajba. U lanqas tinsab fil-puntwalità li biha naslu għal-laqgħa: ilkoll kienu hemm. Id-differenza bejn l-għaqlin u l-boloħ hija ħaġ’oħra: it-tħejjija. It-test jgħid: l-għaqlin minbarra l-musbieħ ħadu wkoll iż-żejt fil-kus (v. 4); iżda l-boloħ le. Din hi d-differenza: iż-żejt. X’inhi waħda mill-karatteristiċi taż-żejt? Ma jidhirx: qiegħed fil-lampi, mhux apparixxenti, imma mingħajru l-imsiebaħ ma jagħmlux dawl.

Inħarsu fina nfusna u naraw li ħajjitna tgħaddi mill-istess riskju: bosta drabi nkunu aktar attenti għall-apparenzi, l-importanti hu li nieħdu ħsieb id-dehra tagħna, naqtgħu figura tajba quddiem l-oħrajn. Imma Ġesù jgħid li l-għaqal tal-ħajja qiegħed x’imkien ieħor: f’li nieħdu ħsieb dak li ma jidhirx imma hu aktar importanti: il-qalb. Il-ħarsien tal-ħajja interjuri. Ifisser li nagħrfu nieqfu biex nisimgħu lil qalbna, biex nishru fuq ħsibijietna u s-sentimenti tagħna.  Kemm drabi lanqas inkunu nafu x’inhu jiġri fil-qalb tagħna f’dak il-jum. X’jgħaddi ġewwa kull wieħed u waħda minna? L-għaqal ifisser li nagħrfu niċċaħdu minn ftit ħin quddiem l-iskrin tat-telefon biex inħarsu lejn id-dawl f’għajnejn l-oħrajn, fi qlubna, fil-ħarsa t’Alla fuqna. Ifisser li ma nippermettux li ninqabdu fix-xibka tal-attiviżmu, imma niddedikaw ftit ħin lill-Mulej, nisimgħu l-Kelma tiegħu.

U l-Evanġelju jagħtina l-parir siewi biex ma nittraskurawx iż-żejt li hemm fil-ħajja interjuri tagħna, “iż-żejt tar-ruħ”: jgħidilna li hemm bżonn nippreparawh. Fir-rakkont infatti, naraw li x-xebbiet diġà għandhom l-imsiebaħ, imma jridu jippreparaw iż-żejt: ikollhom imorru għand tal-ħanut, jixtruh, iferrgħuh fl-imsiebaħ …. (cfr vv. 7.9).  Għalina l-istess: il-ħajja interjuri ma nistgħux nimprovvizzawha, mhix kwistjoni ta’ mument, ta’ xi darba kultant, ta’ darba għal dejjem; trid tkun imħejjija billi niddedikaw ftit ħin kuljum, bil-perseveranza, kif nagħmlu għal kull ħaġa importanti.

Allura nistgħu nsaqsu lilna nfusna: jien x’qed inħejji f’dal waqt ta’ ħajti?  X’qed inħejji ġewwa fija? Forsi qed nipprova nġemma’ xi ħaġa, irrid dar jew karrozza ġdida, xi proġetti konkreti…  Huma affarijiet tajbin, m’humiex affarijiet koroħ. Imma qed naħseb ukoll biex niddedika ftit ħin biex nieħu ħsieb ruħi, għat-talb, għas-servizz tal-oħrajn, għall-Mulej li hu l-għan ta’ ħajti?  Insomma, kif inhu sejjer iż-żejt ta’ ruħi? Kull wieħed u waħda minna nsaqsu lilna nfusna dan: kif inhu sejjer iż-żejt ta’ ruħi? Immantnih, nindukrah sew?

Il-Madonna tgħinna nħarsu ż-żejt tal-ħajja interjuri.

Sors: laikos.org