L-uffiċċju Stampa tal-Vatikan, ippreżenta l-messaġġ għall-45 Jum Dinji tal-Komunikazzjoni Soċjali, bit-tema għal din is-sena tkun “Il-Verita, il-Proklamazzjoni u l-Awtentiċita tal-Ħajja fl-era diġitali”.

L-Arċisqof Claudio Maria Celli, Mons Paul Tighe u Mons Giuseppe Antonio Scotti flimkien ma’ Angelo Scelzo, fil-karigi ta’ President, Segretarju, Segretarju aġġunt u sotto-segretarju rispettivament, ħadu sehem fil-konferenza stampa.

F’dan il-messaġġ, ħareġ ċar l-appell għal konformita għall-vanġelu, wisq iżjed fil-ħajja tal-lum karatterizzata mill-iżviluppi teknoloġiċi li qed iġibu bidliet fis-sistema tal-komunikazzjoni.

Pubbliku wkoll il-messaġġ tal-Papa Benedittu XVI għall-45 Jum Dinji tal-Komunikazzjoni Soċjali li jkun iċċelebrat fil-5 ta’ Ġunju. Il-messaġġ ħareġ fl-24 ta’ Jannar, festa tal-padrun tal-ġurnalisti, San Franġisk de Sales.

Il-Papa, fid-diskors tiegħu jirrifletti fuq ir-realtajiet tal-lum u l-isfidi li ġabu l-bidliet f’din l-era diġitali. Jispikka l-mod kif il-Papa japprezza l-mezzi ġodda ta’ komunikazzjoni, anki jekk għandhom l-iżvantaġġi tagħhom, u kif dawn jistgħu ikunu sfruttati tajjeb fil-missjoni ta’ evanġelizzazzjoni.