• Għoti tal-Ministeru tal-Lettorat lil ħames seminaristi

  • Nhar il-Ġimgħa 2 ta’ Mejju 2014, l-Arċisqof Pawlu Cremona O.P. ser jagħti l-Ministeru tal-Lettorat lil ħames seminaristi, waqt Quddiesa fil-Knisja Arċipretali ta’ Marija Bambina, in-Naxxar, fis-6:30 p.m.
    Il-ħames seminaristi, li bħalissa jinsabu fil-ħames sena tal-formazzjoni fis-Seminarju tal-Arċisqof, huma Sergio Fenech u Mark Mallia Pawley mill-Parroċċa ta’ San Sebastjan Martri, Ħal Qormi, Claude Mifsud mill-Parroċċa ta’ Marija Mtellgħa s-Sema, il-Mosta, James Saydon mill-Parroċċa ta’ Marija Bambina, in-Naxxar, u Gilbert Scicluna mill-Parroċċa ta’ San Ġużepp, il-Kalkara.
    Bil-Ministeru tal-Lettorat is-seminaristi jsiru qarrejja uffiċjali tal-Kelma ta’ Alla waqt il-quddies u waqt ċelebrazzjonijiet liturġiċi oħra. Huma ser ikollhom ukoll ir-responsabbiltà li jxandru l-Kelma ta’ Alla permezz tal-katekiżmu, kif ukoll waqt laqgħat oħra ta’ formazzjoni nisranija. Dan il-Ministeru li ser jirċievu huwa pass ieħor li jkompli jqarribhom lejn id-djakonat u s-saċerdozju.
    Il-Komunità tas-Seminarju tistieden lill-Insara biex ikomplu jitolbu għal aktar vokazzjonijiet u għas-seminaristi kollha, b’mod speċjali għal dawn il-ħames żgħażagħ, biex il-Mulej jagħmel minnhom rgħajja skont qalbu.