L-Isqfijiet Maltin jixtiequ jirringrazzjaw lill-poplu ta’ dawn il-Gżejjer għas-sehem tagħhom fl-Ewkaristija, madwar il-Qdusija tiegħu l-Papa, fuq il-Fosos tal-Furjana, kif ukoll dawk li segwew permezz tal-mezzi tax-xandri. Il-folla kbira ta’ nies miġbura minkejja li l-ġurnata bdiet bix-xita turi li Ġesu’ Kristu Hu fil-qalb tal-poplu tagħna.
F’din l-okkażjoni l-Isqfijiet offrew lill-Papa f’isem kulħadd, għotja ta’ €35,000, għall-vittmi tat-terremot ta’ Ħaiti miġbura mill-insara tad-Djoċesijiet ta’ Malta u Għawdex. Ġie mgħoddi wkoll lill-Papa volum li fih jigbor eluf ta’ messaġġi (sms) mibgħuta lill-Qdusija Tiegħu il-Papa. F’dawn il-messaġġi ħafna qed jawguraw lill-Papa, jweduh it-talb tagħhom, juruh is-solidarjeta’ tagħhom u jistaqsuh biex jitlob għalihom u għall-familji tagħhom.