Bħal għada mitt sena, eżattament fit-23 ta’ April 1913, fetaħ l-24 Kungress Ewkaristiku Internazzjonali li kien sar f’Malta. Il-Kungress għalaq fis-27 ta’ April 1913 b’purċissjoni li bdiet mill-Konkatidral ta’ San Ġwann, il-Belt Valletta, għal fejn illum hemm il-monument ta’ Kristu Re, fejn ingħatat il-Barka Ewkaristika. F’din iċ-ċelebrazzjoni ħadu sehem madwar 7,000 ruħ. Il-monument ta’ Kristu Re, li ġie inawgurat nhar il-Ħadd 30 ta’ Diċembru 1917, sar apposta b’tifkira ta’ dan il-Kungress Ewkaristiku Internazzjonali.

Il-Knisja f’ Malta beħsiebha tfakkar dan l-avveniment b’Ġimgħa Ewkaristika li ser issir bejn il-Ħamis 30 ta’ Mejju u l-Ġimgħa 7 ta’ Ġunju, 2013. Matul din il-ġimgħa jiġu ċċelebrati żewġ festi liturġiċi marbutin mal-Ewkaristija. Dawn huma Corpus Christi u l-Qalb ta’ Ġesù.

L-attività prinċipali ser issir il-Ġimgħa 7 ta’ Ġunju fejn fi Pjazza San Ġorġ, il-Belt Valletta, ser tiġi ċċelebrata Quddiesa mill-Isqfijiet Maltin, u wara ssir purċissjoni bis-Sagrament tal-Ewkaristija. Il-purċissjoni tispiċċa quddiem il-Konkatidral ta’ San Ġwann, fejn tingħata l-Barka Sagramentali.

Matul il-Ġimgħa Ewkaristika ser isir apprezzament tal-preżenza ħajja ta’ Ġesù f’dan is-Sagrament b’talb ta’ adorazzjoni li ser isir fil-parroċċi kollha. Ser isiru wkoll żewġ konferenzi filwaqt li ser jittella’ Oratorju li kien ġie oriġinat propju għal dik l-okkażjoni. Id-dettalji ta’ din il-ġimgħa ta’ attivitajiet jitħabbru aktar ‘il quddiem.

Il-Kungressi Ewkaristiċi bħal dak li sar Malta mitt sena ilu għadhom isiru sallum, tant li s-sena li għaddiet, il-50 Kungress Ewkaristiku Internazzjonali sar fl-Irlanda. Il-Kungressi jlaqqgħu kardinali, isqfijiet, saċerdoti, lajċi u studjużi biex tiżdied id-devozzjoni u l-għarfien lejn l-Ewkaristija. Il-Papa jibgħat legat tiegħu u fil-każ tal-Kungress tal-1913, il-Papa San Piju X, kien bagħat Malta lill-Kardinal Duminku Ferrata.