Pope Francis during Angelus

Waqt il-messaġġ tiegħu ftit qabel it-talba tal-Angelus fi Pjazza San Pietru fil-Vatikan, fir-raba’ Ħadd tal-Għid u Jum Dinji ta’ talb għall-Vokazzjonijiet, Papa Franġisku rrefera għall-evanġelju tar-ragħaj u n-nagħaġ u qal li Ġesu “qed isejħilna biex nipparteċipaw fir-relazzjoni tiegħu mal-Missier u fil-ħajja eterna”.

Kompla li “r-relazzjoni mal-Missier għandu jkollha rapport intimu u profound bħalma r-ragħaj ikollu man-nagħaġ tiegħu li hekk kif jgħajtilhom, jagħrfu l-vuċi tiegħu, iwieġbu għaliha u jimxu warajh. Kemm hi sabiħa l-parabbola. Il-misteru tal-vuċi huwa indikattiv…minn ġuf l-omm il-wild jibda jagħraf il-vuċi tagħha u tal-missier, mit-ton tal-vuċi nipperċepixxu l-imħabba jew in-nuqqas tagħha, l-affett jew in-nuqqas tiegħu. Il-vuċi ta’ Ġesu hi unika u jekk nagħrfu niddistingwuha Hu jmexxina fit-triq tal-ħajja, ferm ‘il bogħod mill-abbissi tal-mewt”.

Il-Papa staqsa lil dawk preżenti għall-Angelus, speċjalment liż-żgħażagħ jekk xtaqux li jkunu appostli ta’ Kristu u jsegwu lil Alla aktar mill-qrib. Dan hekk kif il-Knisja ngħaqdet fit-talb  għall-vokazzjonijiet. Papa Franġisku stieden lill-Insara sabiex jitolbu għall-għaxar sacerdoti ġodda fid-djoċesi ta’ Ruma. Huwa temm id-diskors tiegħu b’referenza għal Marija li qalet iva anki meta ma fehmitx is-sejħa t’Alla għaliha, u segwiet lil Ġesu tul ħajjitha kollha.