In-Nawfraġju ta’ San Pawl u l-laqgħa li tawh il-Maltin huma t-tema għal din il-ġimgħa ta’ talb

Mil‑lum is‑Sibt, 18 ta’ Jannar 2020, l‑Insara kollha madwar id‑dinja qed jiċċelebraw il‑Ġimgħa ta’ Talb għall‑Għaqda fost l‑Insara, li tintemm nhar is‑Sibt, 25 ta’ Jannar. Matul din il‑ġimgħa l‑Knejjes Insara differenti jingħaqdu għal talb ekumeniku, bit‑tema għal din is‑sena tkun “Ġiebu ruħhom magħna bi ħlewwa liema bħalha” (Atti 28:2), meħuda mir‑rakkont tan‑Nawfraġju ta’ San Pawl f’Malta u l‑laqgħa li tawh il‑Maltin.

Il‑Ġimgħa ta’ Talb għall‑Għaqda fost l‑Insara din is‑sena għandha wkoll importanza partikolari hekk kif it‑talb u r‑riflessjonijiet li se jintużaw madwar id‑dinja kollha tħejjew mill‑Insara ta’ Malta u Għawdex.

Matul din il‑ġimgha se jsir Servizz Ekumeniku nhar il‑Ġimgħa 24 ta’ Jannar, fis‑6:30pm, fil‑Pro‑Katidral (tal‑Anglikani) ta’ San Pawl, il‑Belt Valletta. Se jmexxi t‑talb l‑Isqof Anglikan ta’ Ġibiltà, Robert Innes, waqt li r‑riflessjoni bibblika se ssir mill‑Arċisqof Charles J. Scicluna. Kulħadd huwa mistieden.

Is-Servizz Ekumeniku li sar is-sena li għaddiet fil-Knisja ta’ San Pawl Nawfragu, il-Belt Valletta

Qed tiġi organizzata wkoll wirja ekumenika bl‑isem ‘Bibles and Liturgical Books from Christian Churches in Malta: An Ecumenical Confluence’, organizzata mill‑Arċidjoċesi ta’ Malta, il‑Kummissjoni Ekumenika Djoċesana, Christians Together in Malta u l‑Curatorial Studio. Il‑wirja tinkludi testi divini mill‑Knisja Kattolika Rumana, il‑Knisja Anglikana, il‑Knisja tal‑Iskozja, il‑Knisja Ortodossa Koptika, il‑Knisja Kattolika Griega, il‑Patrijarkat Ekumeniku ta’ Kostantinopli, il‑Knisja Luterana, il‑Knisja Ortodossa Rumena, il‑Knisja Ortodossa Russa u l‑Knisja Ortodossa Serba.

L‑esebiti jinkludu bibbji, salterji, brevjarji u kotba reliġjużi oħra mis‑seklu 13 sas‑seklu 20. Il‑wirja hi opportunità biex wieħed jara l‑mod li bih tħaddan il‑Kristjaneżmu matul iż‑żmien. Il‑wirja tixhed l‑għaqda fid‑diversità fost il‑Knejjes Kristjani.

Il‑wirja se ssir fil‑Palazz tal‑Arċisqof, il‑Belt Valletta, il‑Ġimgħa 24 ta’ Jannar mill‑10.00am sas‑6.00pm, u s‑Sibt u l‑Ħadd, 25 u 26 ta’ Jannar, mill‑10.00am sal‑4.00pm. Kulħadd huwa mistieden u d‑dħul huwa b’xejn.