Min‑nhar it‑Tnejn, 18 ta’ Jannar 2021, l‑Insara kollha madwar id‑dinja se jiċċelebraw il‑Ġimgħa ta’ Talb għall‑Għaqda fost l‑Insara, li tintemm it‑Tnejn, 25 ta’ Jannar. Matul din il‑ġimgħa l‑Knejjes Insara differenti jingħaqdu għal talb ekumeniku, bit‑tema għal din is‑sena tkun: “Ibqgħu fl‑imħabba tiegħi u tagħmlu ħafna frott” (ara Ġw 15:5‑9). Dan huwa kliem mill‑Evanġelju skont San Ġwann meta Ġesù tkellem dwaru nnifsu bħala d‑dielja l‑vera, u aħna l‑friegħi.

Il‑Ġimgħa ta’ Talb għall‑Għaqda fost l‑Insara din is‑sena għandha wkoll importanza partikolari hekk kif ninsabu fil‑kuntest ta’ pandemija.

Matul din il‑ġimgha se jsir Servizz Ekumeniku Djoċesan nhar il‑Ġimgħa 22 ta’ Jannar, fis‑6:30pm. Minħabba l‑miżuri ta’ prekawzjoni b’rabta mal‑pandemija COVID‑19 u sabiex titħares is‑saħħa ta’ kulħadd, dan is‑Servizz mhux se jkun miftuħ għall‑pubbliku, u se jixxandar fuq Knisja.mt u Newsbook.com.mt. Is‑Servizz Ekumeniku se jitmexxa mill‑Arċisqof Charles Jude Scicluna. Ir‑riflessjoni biblika se ssir minn Rev. Beata Thane, Minister ta’ St Andrew’s Scots’ Church fil‑Belt Valletta.

Agħfas hawn biex taqra t-talb tal-Ġimgħa ta’ Talb għall‑Għaqda fost l‑Insara.