18 – 25 ta’ Jannar 2010

F’dawn l-aħħar mitt sena r-rikonċiljazzjoni bejn l-lnsara ħadet forom differenti. Ħafna enerġija ġiet indirizzata lejn riċerka teoloġika li waslet għal xi ftehim dottrinali. Il-koperazzjoni prattika fis-soċjal bejn il-knejjes tat bidu għal inizjattivi li taw il-frott tagħhom, fosthom fil-missjonijiet. Għalhekk nistgħu ngħidu li l-World Mission Conference ta’ Edinburgh fl-1910 kienet il-bidu tal-Moviment Ekumeniku.

Storikament u għal raġunijiet prattiċi kienu l-missjunarji ta’ denominazzjonijet Insara differenti li ta’ spiss kienu jqajmu din il-kwistjoni tan-nuqqas ta’ għaqda bejn l-insara stess. Il-firdiet bejn denominazzjonijiet kristjani kienu magħrufin u aċċettati sew fl-Ewropa, imma l-iskandlu ta’ diżunita’ kien ta’ min jistmerru għal dawk il-missjunarji li kienu qed jgħallmu l-Vanġelu lil nies li qatt ma kienu semgħu bi Kristu sa dak iz-zmien. Kif setgħu jiġġustifikaw li ‚jesportaw‛ u jgħaddu dawn il-firdiet lil nies li kienu qed jiskopru lil Kristu? Kif setgħu iġegħlu lil ħaddieħor jifhem ir-rikonċiljazzjoni mogħtija minn Ġesu’ Kristu jekk dawk li kienu diġa’ mgħammdin kienu jinjoraw ‘il xulxin jew jiġġieldu bejniethom? Kif setgħu l-insara li kienu ostili lejn xulxin, jippridkaw Alla wieħed, fidi waħda u magħmudija waħda b’mod kredibbli?

1910 – Il-Konferenza Missjunarja ta’ Edinburgh

Il-Konferenza li saret f’Edinburgh fl-1910 attendew għaliha soċjetajiet tal-missjonijiet Protestanti u Anglikani. L-iskop kien li jgħinu lill-missjunarji tagħhom biex bi spirtu komuni jikkoordinaw il-ħidmiet tagħhom. Tħallew barra dawk is-soċjetajiet Protestanti li kienu qed jaħdmu f’artijiet fejn il-Kattoliċi u l-Ortodossi kienu diġa’ ilhom attivi għal żmien twil u allura ma kienx l-iskop li jkunu preżenti għal din il-laqgħa. Illum imma, il-Knejjes Insara – ferm aktar qrib xulxin milli kienu mitt sena ilu – ħassew li tkun ħaġa naturali li jistiednu lill-insara Skoċċiżi biex jippreparaw il-Ġimgħa ta’ Talb tal-2010, fl-għeluq il-mitt sena mill-Konferenza ta’ Edinburgh tal-1910.

It-Tema biblika: “Intom xhud ta’ dan” (Luqa 24:48)

Fil-Moviment Ekumeniku ta’ spiss immeditajna l-aħħar diskors ta’ Ġesu’ qabel ma miet. F’dan it-testment ta’ Ġesu’, l-importanza tal-għaqda tad-dixxipli ta’ Gesu’ hi emfasizzata bil-kliem tiegħu stess: ‚li jkunu lkoll ħaġa waħda…biex hekk id-dinja temmen‛ ({w 17:21).

Din is-sena l-insara tal-Iskozja qed jistednuna biex nisimgħu l-aħħar diskors ta’ Gesu’ qabel ma tela’ s-sema. ‚Hekk kien miktub, li l-Messija jbati u fit-tielet jum iqum mill-imwiet, u li l-indiema għall-maħfra tad-dnubiet tixxandar f’ismu lill-ġnus kollha, ibda minn Ġerusalemm. Intom xhud ta’ dan‛ (Lq 24:46-48). Huwa fuq dawn l-aħħar kelmiet li nistgħu nirriflettu kull jum.

Riżorsi:

Agħfas hawn biex tniżżel il-ktejjeb ta’ għajnuniet pastorali għall-użu waqt il-Ġimgħa ta’ Talb għall-Għaqda fost l-Insara.