L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna
Bħalma nagħmlu fil-Ġimgħa l-Kbira ta’ kull sena, għadna kemm smajna t-tħabbira solenni tal-Passjoni tal-Mulej skont San Ġwann.
Xtaqt noffri riflessjoni qasira fuq il-mistoqsija li Ġesù jagħmel fil-bidu ta’ dan ir-rakkont: “Lil min qegħdin tfittxu?” (Ġw 18:4). Ir-risposta ta’ min mar jarrestah fil-Ġnien tal-Ġetsemani kienet “Lil Ġesù ta’ Nazaret” (Ġw 18:5). Imma l-mistoqsija ta’ Ġesù hija mistoqsija profonda: Għalikom jien min jien? X’inhu dak li jiġbidkom lejja?
Fir-rakkont tal-passjoni skont San Ġwann, Ġesù jippreżenta lilu nnifsu bħala x-xhud għall-verità. Meta Pilatu jistaqsih “Mela int sultan?” (Ġw 18:37) Ġesù jirrispondi: “Għalhekk ġejt fid-dinja, biex nixhed għall-verità” (Ġw 18:37). Iżda hemm ukoll identità oħra, dik li mbagħad twasslu sa fuq is-salib: “Ġesù ta’ Nazaret, Sultan tal-Lhud” (Ġw 19:19).
Ġesù jesiġi minna sottomissjoni lejn il-primat tiegħu għaliex joffrilna x-xhieda tal-verità u huwa s-sultan li jwassalna għas-saltna ta’ dejjem.
Ejjew illum, aħna u nippreparaw biex naduraw l-għuda tas-salib, nersqu lejh b’dan is-sentimenti: Mulej għarrafni min int, agħtini x-xhieda tal-verità fuqi nnifsi, fuq id-dinja u fuq id-destin ta’ kull wieħed minna. Kun int is-sultan ta’ qalbi, ta’ ruħi, ta’ ġismi u ta’ qalbi.
✠ Charles Jude Scicluna
Arċisqof ta’ Malta
Qari tal-quddiesa
Qari I: Iż 52:13–53:12
Salm: 30(31):2,6,12-13,15-16,17,25
Qari II: Lhud 4:14-16; 5:7-9
L-Evanġelju: Ġw 18:1–19:42