Pope in Malta

Il-Papa Benedittu 16 esprima gratitudni kbira lill-awtoritajiet ċivili u ekkleżjastici Maltin u lil dawk kollha li laqgħuH b’mod daqshekk kbir f’Malta.

Waqt l-udjenza ġenerali ta’ nhar t’Erbgħa, il-Papa stqarr li fil-Grotta ta’ S.Pawl hu rringrazzja lil Alla għall-għemejjel abbundanti tal-fidi, Il-qdusija u ż-żelu missjunarju li l-predikazzjoni tal-Appostlu ġabet fil-Gżejjer Maltin.  Il-viżjoni nisranija, b’għeruq profondi fil-ħajja u l-kultura Maltija, qal il-Papa, tkompli toffri ispirazzjoni biex jintlaħqu l-isfidi soċjali u morali kbar taż-żminijiet tal-lum. Hu kompla jgħid li l-fidi ta’ Malta dehret fiċ-ċelebrazzjoni ferrieħija tal-quddiesa li saret fuq il-Fosos tal-Furjana.

Fi kliem il-Papa, l-isfida li l-għerf u l-verita tal-Evanġelju jingħaddu lill-oħrajn, tappartjeni b’mod partikolari lill-ġenerazzjoni żagħżugħa.  Hu fakkar li fil-Valletta Waterfront, hu sfida liż-żgħażagħ Maltin biex iħarsu lejn il-vjaġġ spiritwali ta’ S.Pawl bħala mudell għall-vjaġġ tagħhom ħalli jħallu ħajjithom tinbidel bil-laqgħa tagħhom ma’ Kristu Rxoxt.

Intant, Il-Papa Benedittu 16 stqarr li hu qed imexxi Knisja feruta u midinba. Hu qal dan waqt attivita li fiha kien hemm miġbura mal-ħamsin Kardinal biex jitfakkar il-ħames snin anniversarju mill-elezzjoni tiegħu bħala Papa.

Rapport fil-ġurnal tal-Vatikan L’Osservatore Romano jgħid li l-Papa qal li ma jħossux waħdu, iżda għandu maġenbu l-kulleġġ kollu tal-Kardinali li qed jaqsmu miegħu tibdil fiċ-ċirkostanzi tal-ħajja tal-bniedem u serħan il-moħħ.

Min-naħa tiegħu, il-Kelliem tal-Vatikan Patri Federico Lombardi, qal lil Radju Vatikan li l-prioritajiet tal-Papa Benedittu 16 li hu kien elenka wara l-elezzjoni tiegħu, qed ikunu segwiti b’koerenza u kuraġġ minkejja t-tensjonijiet u l-ostakli.