L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

L-Evanġelju ta’ San Luqa li għadna kemm smajna, jiddeskrivi l-missjoni li jagħti Alla lill- Arkanġlu Gabrijel. Jibagħtu f’belt, “belt tal-Galilija, jisimha Nazaret” (Lq 1:26). Jibagħtu għand xebba, u din ix-xebba hi għarusa ta’ raġel “jismu Ġużeppi mid-dar ta’ David” (Lq 1:27). Innutaw, li l-ewwel deskrizzjoni tal-Madonna, mhux isimha, imma ta’ min kienet, “għand xebba, mgħarrsa ma’ raġel jismu Ġużeppi mid-dar ta’ David. Dix-xebba kien jisimha Marija” (Lq 1:27). Aħna m’aħniex qed niċċelebraw l-avveniment straordinarju, li jiddeskrivi l-Evanġelju li qrajna; għax l-Evanġelju li qrajna, jiddeskrivi t-tnissil ta’ Ġesù fil-ġuf ta’ ommu Marija; mingħajr ma ndaħal San Ġużepp. Għalhekk qaltlu “ma nagħrafx raġel” (Lq 1:34), mhux għax ma kinitx tara.

Imma llum qegħdin niftakru f’konċepiment ieħor. L-Evanġelju jitkellem dwar il-konċepiment fil-ġuf ta’ Marija. Illum qed nagħmlu festa, bdejnieha mil-lum u tkompli għada, bit-tnissil fil-ġuf ta’ din il-mara, Marija. Ta’ din il-konċepiment fil-ġuf ta’ ommha, Anna. L-Orjentali, meta jiddeskrivu l-festa tal-lum, ma jpinġux bħalma nagħmlu l-Madonna, imma jpinġu lil Anna u lil Ġwakkin f’tgħanniqa, tgħanniqa ta’ mħabba. Għaliex it-tnissil ta’ Marija hu frott l-imħabba miżżewġa u safja ta’ ommha u missierha, Anna u Ġwakkin. Imma fl-att ta’ mħabba ta’ dawn iż-żewġ kreaturi intervjena Alla b’mod speċjalissimu.

Persważ li Ġesù, meta kien jitkellem dwar il-Missier, kien jaħseb ħafna f’missieru tal-art, f’Ġużeppi. L-Iben jagħmel kif jara l-Missier

Meta kibret il-Madonna fil-fatt tgħid, ftit xhur wara, l-Evanġelju li smajna llum, anzi ftit ġimgħat: “Il-Mulej għamel miegħi ħwejjeġ kbar; qaddis hu l-isem tiegħu” (Lq 1:49). X’inhuma dawn il-ħwejjeġ kbar? Aħna qegħdin nagħmlu l-festa, tal-fatt li fit-tnissil ta’ din it-tifla, fl-għaqda tal-imħabba ta’ ommha u missierha, il-Mulej intervjena, biex lil din iċ-ċkejkna, li bdiet tgħid fil-ġuf t’ommha fit-tnissil; għax il-ħajja tibda mit-tnissil, u ħarisha minn kull tebgħa ta’ dnub. Tgħiduli kif? Billi ħares lejn il-merti tal-passjoni ħarxa u tal-qawmien glorjuż ta’ binha. Għaliex Alla, għalih l-istorja, hi dejjem preżenti. Ra fit-tnissil tal-omm, il-qawwa li salva, tal-Iben, li kellha ġġib fid-dinja, bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu. Dan il-misteru kbir, tant hu qawwi, tant hu kbir, li jiżboq il-ħin u l-ispazju.

Dan il-misteru ta’ fidwa, ma jifdix biss mill-mewt u l-qawmien ta’ Ġesù ’l quddiem; imma llum naraw din il-meravilja kbira. Il-Mulej, li hu Alla mħabba, iħares lil omm minn kull tebgħa tad-dnub, bil-qawwa ta’ dik il-fidwa; li tinfirex, qisu biċ-ċrieki konċentriċi, mhux mill-mument tas-seħħ tagħha ’l quddiem biss, imma fl-istorja kollha tad-dinja. U Ġużeppi jintagħżel biex ikun il-gwardjan, il-ħarries, il-garanti ta’ dan il-misteru. Għax irridu ngħiduha din, l-omm wara disa’ xhur twieldet, aħna nikkalkulawhom b’mod preċiż u matematiku, mit-8 ta’ Diċembru sat-8 ta’ Settembru, illum qed niċċelebraw it-tnissil, disa’ xhur oħra niċċelebraw it-twelid; bħalma nagħmlu ta’ Ġesù, mill-25 ta’ Marzu sal-25 ta’ Diċembru.

Imma meta kienet xebba, u ġralha dak li ġralha bil-qawwa tal-Mulej, kienet fil-periklu tal-mewt, hi u t-tarbija. Alla x’għamel, għamel xi miraklu? Aqraw dak li jgħid il-Papa Franġisku fid-dokument veru sabiħ li nieda għal din is-sena li aħna qegħdin nikkonkludu, b’mod solenni, ‘Patris Corde’, bil-Malti, ‘Qalb ta’ Missier’. Alla biex iħares lil Ibnu sejjaħ lil Ġużeppi u ħalla f’idejh. Meta kien hemm bżonn, għal darba, darbtejn, tlieta, erba’, tah messaġġ importanti, ġeneralment fil-ħolm; għax kien jaf, li dan ir-raġel ġust, se jisma’ u jobdi. Imma mbagħad kif se jirranġa f’idejh. ‘Isma’ dan qiegħed fil-periklu. Qum u morru għax Erodi jrid joqtlu.’ Ma qallux x’għandu jagħmel. Qabad u mar lejn l-Eġittu. U mbagħad avżah li jistgħu jirritornaw u reġa’ mar.

Fuq dik ser nitkejlu: kemm ħabbejt. Għax l-imħabba vera, tgħatti kotra ta’ dnubiet, speċjalment id-dnubiet tad-dgħufija tagħna, tat-tajn li aħna

Imma l-ewwel messaġġ kien: “xejn la tibża’ tieħu għandek lil martek Marija, għax dak li tnissel fiha ġej mill-Ispirtu s-Santu” (Mt 1:20). Ġużeppi li kien raġel ġust, kien diġà ddeċieda, mhux li jħaġġarha, li jitfgħalha l-ewwel ġebla, kif kellu dritt, bl-ittra tal-liġi; mar lil hinn mil-liġi, għax dik il-liġi ma kinitx il-liġi tal-imħabba. Kien iħobbha wisq lil Marija. “Għamel il-ħsieb li jibgħatha bil-moħbi tan-nies” (Mt 1:19); u salva lilha u lir-Redentur. Ġesù Kristu, kellu bżonn min isalvah. Is-Salvatur, kellu bżonn min isalvah mill-mewt: darba, darbtejn, sakemm waslet is-Siegħu tiegħu; mbagħad ma ħelishiex. Sakemm waslet is-Siegħu tiegħu, ta’ 33 sena; kien hemm bżonn min isalvah mill-mewt. Ħafna drabi, meta kien tarbija u ċkejken, kellu jieħu ħsieb Ġużeppi. Ġużeppi, is-salvatur tas-Salvatur. Mur ifhimha!

Aħna llum qed naduraw dan il-misteru kbir, tal-fiduċja li Alla għandu fil-bniedem. Għax meta fattarnieha, qal, inħokk rasi u nara kif se neħliskom. X’se nagħmel? Nibgħat lil Ibni. U tah f’idejna, u għamilna bih li ridna. Imma sakemm wasal dak il-mument ħallih f’idejn Ġużeppi; u ħarsu, għallmu. Persważ li Ġesù, meta kien jitkellem dwar il-Missier, kien jaħseb ħafna f’missieru tal-art, f’Ġużeppi. L-Iben jagħmel kif jara l-Missier. Min jaf kemm ra lil Ġużeppi jħabbrek bħala mastrudaxxa f’Nazaret, f’Saffuriya, belt kbira, fejn kien hemm iżjed xogħol, fejn Ġesù u Ġużeppi, żgur li ltaqgħu ma’ diversi kulturi. Din il-belt ma tissemmiex fl-Evanġelju; imma l-arkeoloġija tgħidilna kemm kienet belt importanti, kemm kienet tagħti xogħol lill-irħula tal-madwar, inkluż Nazaret. U kien jinnota lil dan Ġużeppi; min jaf kemm għamel xogħol u ma ħallsuhx, u ma qal xejn. Imbagħad imur id-dar u l-Madonna tgħidlu: ‘x’ġibt illum?’ Ħeqq, u tħokk rasha hi! Immaġinaw il-familja ta’ Nazaret, żewġ qaddisin jieħdu ħsieb l-Iben t’Alla, mill-aħjar li jistgħu. Imma żewġ qaddisin, li kellhom l-inkwiet tagħhom. Se twelled, iridu jagħmlu l-vjaġġ lejn Betlehem; imbagħad imorru, m’hemmx post f’dar jew fl-għorfa jew fil-lukanda, kellhom jirranġaw kif jistgħu. Jiddubbaw xi ħaġa mingħand il-Maġi imma jkollhom jonfquha biex imorru l-Eġittu. Imbagħad ta’ 12-il sena, it-tifel jagħmel waħda tinkiteb. L-ewwel darba li nisimgħu bil-qalb maqsuma ta’ dawn iż-żewġ kreaturi (ara Lq 2:48). Hawnhekk ukoll, inqimu l-imħabba tal-Madonna u ta’ San Ġużepp, li l-ħajja tagħhom ma kinitx dejjem faċli, bħalma tagħna mhix dejjem faċli. Li għaddew mill-mumenti ta’ ferħ, imma għaddew ukoll mill-martirju tal-qalb maqsuma.

Illum nitolbu bl-interċessjoni tal-Verġni Marija, biex hi, l-imnissla mingħajr tebgħa, tfakkarna kemm hu qawwi l-Patruċinju ta’ San Ġużepp. Għaliex meta niċċelebraw lil San Ġużepp bħala l-Patrun tal-Knisja Universali, qegħdin nikkonfermaw xi ħaġa li l-Mulej għamilha sa mill-bidu, meta lil Ġesù afdah f’idejh, għax il-Knisja, li hi l-ġisem ta’ Kristu. U kif il-ġisem ta’ Ġesù, fil-ġuf ta’ ommu, fit-twelid tiegħu, tarbija, mhedda minn Erodi; hu u jikber, kien afdat il-ġisem ta’ Ġesù, kien afdat f’idejn u fil-qalb ta’ San Ġużepp; hekk ukoll Alla ried li l-ġisem ta’ Kristu, l-Knisja, tkun afdatha f’idejn il-Patruċinju tiegħu.

Ejjew nitolbu, biex ma naqtgħu qalbna qatt minn din is-sejħa li esprima b’mod sabiħ, l-Appostlu Missierna, fit-tieni qari li smajna: “Għażilna fih, sa minn qabel, il-ħolqien tad-dinja, biex inkunu qaddisa u bla tebgħa quddiemu fl-imħabba” (Ef 1:4). Illum, qed niċċelebraw it-tnissil bla tebgħa tal-Verġni Omm Alla, l-Immakulata. Imma qed nifhmu, x’qed jgħidilna l-Appostlu Missierna? Qed jgħidilna, li aħna wkoll imsejħin, anzi, magħżulin fih, fi Kristu, biex inkunu qaddisa, bla tebgħa. Tgħiduli kif? Aħna li aħna tant midinbin, tant ngħaffġuha! Fl-imħabba. Dik il-kejl, fuq dik ser nitkejlu: kemm ħabbejt. Għax l-imħabba vera, tgħatti kotra ta’ dnubiet, speċjalment id-dnubiet tad-dgħufija tagħna, tat-tajn li aħna. Għalhekk nitolbu biex ikollna dan id-dawl, bl-interċessjoni ta’ Sidtna Marija u ta’ San Ġużepp, li ħajjitna nsarrfuha fi mħabba konkreta. U nagħlaq mis-sentenza tal-ewwel ittra ta’ San Ġwann, kap. 4, vers 11: “jekk Alla ħabbna daqshekk, aħna wkoll għandna nħobbu lil xulxin” (1 Ġw 4:11).            

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Aktar ritratti >>