Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!

L-Evanġelju tal-Liturġija tal-lum, is-Solennità tal-Konċepiment Immakulat tal-Beata Verġni Marija, idaħħalna fid-dar ta’ Nażaret, fejn tirċievi t-tħabbira tal-anġlu (cfr Lq 1:26-38). Bejn il-ħitan tad-dar, il-persuna tidher x’inhi aktar milli meta tkun xi mkien ieħor. U propju f’dik l-intimità tad-dar l-Evanġelju jtina dettall li jikxef is-sbuħija tal-qalb ta’ Marija.

L-anġlu jindirizzaha bħala “mimlija bil-grazzja”. Jekk hi mimlija bil-grazzja, ifisser li Marija hi ħielsa għal kollox mill-ħażen, bla dnub, Immakulata. Għal din it-tislima, Marija – jgħidilna t-test – “tħawdet ħafna” (Lq 1:29). Mhix biss baqgħet mistagħġba, imma mifxula. Meta xi ħadd jirċievi tislima importanti, unuri u kumplimenti, kultant jirriskja li jimtela bih innifsu u bil-prużunzjoni. Niftakru li Ġesù ma tantx hu ħelu ma’ min imur ifittex min isellimlu fil-pjazez, jistad għall-kumplimenti, iħobb jidher (cfr Lq 20:46). Iżda Marija ma tintefaħx, anzi titħasseb; minflok ħassitha ferħana, tħossha mistagħġba. It-tislima tal-anġlu ħasset li kienet xi ħaġa akbar minnha. Għaliex? Għax minn ġewwa tħossha ċkejkna, u dan iċ-ċokon, din l-umiltà tiġbed fuqha l-ħarsa ta’ Alla.

Hekk, bejn il-ħitan tad-dar ta’ Nazaret naraw sinjal meraviljuż. Kif inhi l-qalb ta’ Marija? Meta rċeviet l-akbar u l-ogħla kumpliment, tinfixel għax tħoss li qed tingħadilha ħaġa li hi stess ma kinitx tgħid għaliha nfisha. Infatti Marija ma kinitx tħossha privileġġjata, ma kienet tippretendi xejn, kienet tħoss li xejn mhu mertu tagħha. Ma kinitx minfuħa biha nfisha, ma tigglorifikax lilha nfisha. Għax fl-umiltà tagħha taf li kulma kienet tirċievi kien ġej minn Alla.  Għalhekk hi ħielsa minnha nfisha u mogħtija kollha kemm hi lil Alla u lill-oħrajn. Marija Immakulata ma tħarisx lejha nfisha. Din hi l-umiltà vera: li l-attenzjoni ma tkunx fuqek innifsek imma fuq Alla u fuq l-oħrajn.

Niftakru li dil-perfezzjoni ta’ Marija, il-mimlija bil-grazzja, jistqarrha l-anġlu bejn il-ħitan tad-dar tagħha: mhux fil-pjazza ewlenija ta’ Nazaret, iżda hemm, fil-moħbi, bl-akbar umiltà. F’dik id-dwejra ta’ Nazaret kienet tħabbat l-akbar qalb li qatt seta’ kellha kull kreatura. Għeżież ħuti, din hi aħbar straordinarja għalina! Għax tgħidilna li biex jagħmel il-meravilji, il-Mulej m’għandux bżonn mezzi kbar jew il-ħiliet eċċellenti tagħna, imma (għandu bżonn) l-umiltà tagħna, il-ħarsa tagħna miftuħa lejh u miftuħa wkoll lejn l-oħrajn. B’din it-tħabbira, qalb il-ħitan foqra ta’ dwejra, Alla bidel l-istorja. Illum ukoll jixtieq jagħmel ħwejjeġ kbar magħna fil-ħajja ta’ kuljum: jiġifieri fil-familja, fuq ix-xogħol, fl-ambjenti tal-ħajja ta’ kuljum. Il-grazzja t’Alla tħobb taħdem hemmhekk, aktar milli fil-ġrajjiet il-kbar tal-istorja. Imma, nistaqsi, aħna nemmnuh dan? Jew naħsbu li l-qdusija hi xi ħaġa ideali (utopija), xi ħaġa għall-operaturi, hija illużjoni li xejn ma taqbel mal-ħajja ta’ kuljum?

Lill-Madonna nitolbuha grazzja: li teħlisna mill-idea qarrieqa li l-Evanġelju hu ħaġa u l-ħajja xi ħaġa oħra; biex timliena bl-entużjażmu għall-ideal tal-qdusija, li mhix kwistjoni ta’ santi u xbihat, imma li kuljum ngħixu bl-umiltà u l-ferħ dak li jiġrilna kuljum, bħall-Madonna, ħielsa minna nfusna, b’għajnejna lejn Alla u lejn il-proxxmu li niltaqgħu miegħu. Jekk jogħġobkom, ma nitilfux il-kuraġġ: il-Mulej lil kulħadd tah drapp tajjeb biex jinseġ il-qdusija fil-ħajja ta’ kuljum! U meta jaħkimna d-dubju u nibdew naqtgħu qalbna, jew ninħakmu mis-swied il-qalb għax bla ħila, inħallu “l-għajnejn mimlijin ħniena” tal-Madonna jħarsuna għax ħadd qatt ma talab l-għajnuna tagħha u safa abbandunat!


Wara l-Angelus

Għeżież ħuti,

Jumejn ilu wasalt lura minn vjaġġ f’Ċipru u fil-Greċja. Niżżi ħajr lill-Mulej għal dan il-pellegrinaġġ; irrodd ħajr lilkom ilkoll għat-talb li bih kontu miegħi, u lill-popolazzjonijiet ta’ dawk iż-żewġ pajjiżi għeżież, flimkien mal-awtoritajiet ċivili u reliġjużi, għall-għożża u l-ġentilezza li bihom laqgħuni. Lil kulħadd intenni: grazzi!

Ċipru hu ġawhra fil-Mediterran, ġawhra ta’ sbuħija rari, li però hi mmarkata bil-ġerħa tal-barbed wire, bin-niket minħabba l-ħajt li jifridha. F’Ċipru ħassejtni qisni f’familja; sibt lil kulħadd qisu ħija, oħti. Ngħożż f’qalbi kull laqgħa, partikolarment il-quddiesa fil-grawnd ta’ Nikosija. Qanqalni ħija Ortodoss Chrysostomos, meta tkellem dwar il-Knisja Omm: bħala Nsara mexjin f’toroq differenti, imma aħna wlied il-Knisja ta’ Ġesù, li hi Omm li timxi magħna, tħarisna, tmexxina ‘l quddiem, ilkoll aħwa. L-awgurju tiegħi għal Ċipru hu li jibqa’ jkun dejjem laboratorju tal-fraternità, fejn il-laqgħa tieħu post il-firda, fejn ħuna jkun milqugħ, speċjalment jekk fqir, skartat, emigrat. Intenni li quddiem l-istorja, quddiem il-wiċċ ta’ min jemigra, ma nistgħux inżommu fommna magħluq, ma nistgħux inħarsu n-naħa l-oħra.

F’Ċipru u wkoll f’Lesbo stajt inħares fl-għajnejn ta’ dit-tbatija: jekk jogħġobkom, inħarsu f’għajnejn l-iskartati li niltaqgħu magħhom, inħallu l-uċuħ tat-tfal jipprovokawna, ulied migranti ddisprati. Inħallu t-tbatija tagħhom timmarkana minn ġewwa sabiex nirreaġixxu għall-indifferenza; inħarsu lejn wiċċhom, biex inqumu min-nagħsa tar-rutina!

Niftakar fil-Greċja bi gratitudni. Hemmhekk ukoll kelli laqgħa fraterna. F’Ateni ħassejtni mwaħħad ġol-kobor tal-istorja, f’dik il-memorja tal-Ewropa: l-umaneżmu, id-demokrazija, l-għerf, il-fidi. Hemmhekk ukoll ġarrabt ­il-mistika tal-għaqda: fil-laqgħa ma’ ħuti l-Isqfijiet u l-komunità Kattolika, waqt il-quddiesa festuża ċelebrata fil-Jum tal-Mulej, imbagħad maż-żgħażagħ, li ġew minn bosta nħawi, uħud mill-bogħod ħafna, biex jgħixu u jaqsmu l-ferħ tal-Evanġelju. U mill-ġdid għext ir-rigal li stajt ngħannaq lill-għażiż Arċisqof Ortodoss Ieronimos; l-ewwel laqagħni f’daru u l-għada ġie jżurni. Ngħożż f’qalbi dil-fraternità. Inqiegħed quddiem l-Omm Qaddisa ta’ Alla l-bosta żrieragħ ta’ laqgħa u tama li l-Mulej żera’ tul dal-pellegrinaġġ.  Nistedinkom tkomplu titolbu sabiex bil-paċenzja u l-fiduċja dawn inibbtu.

Illum tintemm is-sena dedikata lil San Ġużepp, Patrun tal-Knisja universali. U pitgħada, 10 ta’ Diċemrbu, f’Loreto jagħlaq il-Ġublew Lawretan. Jalla l-grazzja ta’ dawn il-ġrajjiet tkompli taħdem f’ħajjitna u fil-ħajja tal-komunitajiet tagħna. Jalla l-Verġni Marija u San Ġużepp imexxuna fit-triq lejn il-qdusija!

U nsellem lilkom ilkoll, Rumani u pellegrini! Awgurju speċjali lill-Azzjoni Kattolika Taljana: jalla tkun art ta’ taħriġ tas-sinodalità fil-parroċċi. Insellem lill-kor tat-tfal ‘Milleunavoce’, lill-fidili minn Zaragoza u lill-adoloxxenti minn Valdemoro, djoċesi ta’ Getafe, fi Spanja – qed jinstemgħu sew l-Ispanjoli, tajjeb! – kif ukoll lid-delegazzjoni mill-Comune ta’ Rocca di Papa, bil-fjakkola li se tixgħel l-istilla tal-Milied fuq il-fortizza tal-belt. Insellem lill-grupp tal-Messikani mill-istat ta’ Puebla.

U nawgura lil kulħadd il-festa t-tajba, speċjalment lilkom żgħażagħ tal-Immakulata, hi l-festa tagħkom! Jekk jogħġobkom tinsewx titolbu għalija, jien dejjem niftakar fikom. L-ikla t-tajba u arrivederci!

Sors: laikos.org