Fost il-ħafna awguri li ntbagħtu lill-Prim Ministru Ingliż il-ġdid David Cameron, u lill-koalizzjoni tiegħu, kienu l-awguri tal-komunita kattolika tal-Ingilterra u Wales. Dan sar fi stqarrija għall-istampa ffirmata mid-deputat President tal-Konferenza Episkopali tal-Ingilterra u Wales, l-Arċisqof Mons Peter Smith.
“F’isem il-komunita kattolika, nixtieq nassigura lill-Prim Ministru l-ġdid David Cameron u l-koalizzjoni tiegħu fil-Gvern, it-talb fil-ftuħ ta’ din il-ħidma l-ġdida tagħhom fil-qadi tas-soċjeta għall-ġid komuni.
“Sakemm inwasslu l-awguri lill-Gvern il-ġdid, infakkru kif inhu xieraq li l-problemi b’għeruq fondi tas-soċjeta attwali jistgħu biss jiġu ffaċċjati b’tiġdid tal-valuri mħaddna minn kulħadd. Bidla għall-aħjar m’għandhiex titħalla għall-politiċi waħedhom. Teħtieġ il-kontribuzzjoni ta’ kulħadd”.