Għeżież ħuti!

Qabel ma ntemmu din iċ-ċelebrazzjoni nixtieq insellem lilkom ilkoll li ħadtu sehem.  Inrodd  ħajr minn qalbi lill-Patrijarka Francesco Moraglia, u miegħu lill-kollaboraturi u l-voluntiera.  Jien grat lejn l-Awtoritajiet ċivili u lejn il-Forzi taż-Żamma tal-Ordni li taw sehemhom biex isseħħ din iż-żjara.  Grazzi lil kulħadd!

Minn hawn ukoll, bħal kull nhar ta‘ Ħadd, nixtiequ ninvokaw l-interċessjoni tal-Verġni Marija għal tant sitwazzjonijiet ta’ tbatija fid-dinja.

Niftakar f’Haiti fejn hemm stat ta‘ emerġenza u fejn il-popolazzjoni hi ddisprata minħabba li s-sistema tas-saħħa ġġarrfet għal kollox, hemm nuqqas ta’ ikel u l-vjolenza qed iġġiegħel lin-nies jaħarbu. Nafdaw f’idejn il-Mulej ix-xogħol u d-deċiżjonijiet tal-Kunsill Presidenzjali ta’ Tranżizzjoni, li ħa l-ħatra f’Port-au-Prince, nhar il-Ħamis li għadda, sabiex bis-sapport imġedded min-naħa tal-Komunità Internazzjonali, ikun jista’ jwassal lill-pajjiż il-paċi u l-istabbiltà li tant għandu bżonn.

Niftakar fl-Ukrajna mbiċċra, fil-Palestina u f’Iżrael, fir-Rohingya u f’tant popolazzjonijiet oħra li qed ibatu minħabba l-gwerer u l-vjolenza. Alla tal-paċi jdawwal il-qlub sabiex f’kulħadd titkebbes ir-rieda tad-djalogu u r-rikonċiljazzjoni.

Għeżież ħuti, grazzi mill-ġdid tal-akkoljenza tagħkom! Grazzi lill-Patrijarka. Se tkunu f’qalbi permezz tat-talb; u intom ukoll, jekk jogħġobkom, tinsewx titolbu għalija, għax dax-xogħol xejn mhu ħafif!

Sors: laikos.org