• Ħames entitajiet tal-Knisja jibbenefikaw minn miljun Ewro f’donazzjonijiet

  • It-tfal u l-familji fil-bżonn, ir-refuġjati, il-persuni b’diżabilità u s-saċerdoti morda u anzjani huma fost dawk li bbenefikaw mid-donazzjonijiet tan-nies li nġabru permezz taż-żewġ kampanji ta’ ‘RTK 4 Charity’. Il-ħames benefiċċjarji, li bejniethom ħadu s-somma ta’ miljun u għaxart elef ewro, huma:

    • Dar tal-Providenza – €975,401
    • Uffiċċju Ċentrali Djar tat-Tfal – €21,061
    • Taqsima Refuġjati – €7,020
    • Familji fil-Bżonn Għawdex – €3,510
    • Dar tal-Kleru – €3,510
    Il-preżentazzjoni ta’ dawn id-donazzjonijiet saret illum fil-Kurja tal-Arċisqof. Fil-messaġġ tiegħu għal din l-okkażjoni, l-Arċisqof Pawlu Cremona O.P. irringrazzja lil dawk kollha li bi flushom qed ifittxu li jagħmlu l-ġid, filwaqt li rringrazzja wkoll lill-entitajiet li bbenefikaw minn din il-ġenerożità għas-servizz Nisrani li qed joffru. Qal li dawn qed jgħallmu dak li verament tfisser il-providenza. L-Arċisqof irringrazzja lil RTK għall-organizzazzjoni tal-kampanji u esprima apprezzament għas-sens ta’ volontarjat li għadu qawwi ħafna f’Malta.

    Id-delegat tal-Arċisqof għall-Mezzi ta’ Komunikazzjoni Soċjali, Fr Charles Tabone O.P., qal li s-sussidju li l-Knisja qed tagħti lil radju RTK qed iwassal biex dan l-istazzjon mhux biss jaqdi l-missjoni tiegħu fix-xandir, imma wkoll jiġġenera fondi li jgħinu lill-Knisja taqdi l-missjoni tagħha b’risq min hu fil-bżonn. Fr Tabone rringrazzja lil RTK, lill-impjegati u lill-voluntiera kollha, għall-ħidma li joffru.

    L-istation manager ta’ radju RTK, Karl Wright, esprima s-sodisfazzjon tiegħu li l-RTK jrodd lura f’għajnuna filantropika ferm aktar minn dak li jirċievi mill-Knisja f’termini finanzjarji. Huwa rringrazzja lill-mezzi tax-xandir u lill-media, kif ukoll lill-isponsors u lil dawk kollha li jagħtu ħin u materjal b’xejn u mill-qalb. Fuq kollox irringrazzja lill-bank APS li jagħmel tajjeb għall-ispejjeż relatati mal-organizzazzjoni tal-attivitajiet ta’ ġbir ta’ fondi. Is-Sur Wright ħeġġeġ lin-nies biex din id-darba wkoll jkunu ġeneruzi fil-kampanji ta’ RTK 4 Charity ‘Familji fil-Bżonn’ li qed issir bħalissa, u RTK 4 Charity ‘Dar tal-Providenza’, li ssir kull sena fl-1 ta’ Jannar.
  • Ritratti: Photocity
    www.photocitymalta.com