L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

Is-silta li għadna kemm smajna u li qara Dun Martin Cardona, il-kappillan, tibda propju bil-kurżità ta’ xi Griegi li ma kinux Lhud, ma kellhomx il-fidi tal-poplu Lhudi, kienu pagani imma jisimgħu b’dan ir-raġel li qiegħed jgħallem, ifejjaq, u li jqajjem ukoll lin-nies mill-imwiet. Dan għaliex il-qari li smajna llum mill-Evanġelju ta’ San Ġwann iseħħ wara li Ġesù jqajjem lill-ħabib tiegħu Lazzru mill-imwiet.

Għalkemm il-Griegi kienu pagani, xorta tqanqlu bil-kurżità. Kellhom kuntatt ma’ żewġ appostli, Filippu u Indri, li isimhom ġej proprju mill-Grieg. Filippu u Indri kienu ġejjin mill-Galilija, li dak iż-żmien kienet ambjent miftuħ ħafna għall-kulturi kollha tal-Mediterran.

Ġesù jitqanqal meta jisma’ li anke l-pagani jixtiequ jarawh; hu jifhem li waslet is-siegħa. Nistgħu ngħidu li l-Evanġelju tal-lum iħabbrilna dan il-mument importanti fil-ħajja ta’ Ġesù.  Fl-Evanġelji kemm-il darba nisimgħu lil Ġesù jgħid li s-siegħa tiegħu għadha ma waslitx, fosthom jgħidha lil ommu fit-tieġ ta’ Kana (Ġw 2:4). Imma llum hi storja differenti. Illum hu stess nisimgħuh jgħid li waslet is-siegħa.  

U x’inhi din is-siegħa jekk mhux is-siegħa tal-mewt u l-qawmien tiegħu mill-imwiet? Biex jispjega x’inhi din is-siegħa, Ġesù juża diversi tixbihat. Nistgħu ngħidu li fl-Evanġelju tal-lum għandna sensiela ta’ tixbihat li jippruvaw jispjegawlna xi tfisser il-mewt ta’ Ġesù, xi jfisser il-qawmien tiegħu mill-imwiet.

L-ewwel lixbiha li Ġesù juża hi tal-ħabba tal-qamħ u jgħid hekk: “Il-ħabba tal-qamħ tibqa’ weħidha imma jekk taqa’ fl-art u tmut hija tagħmel ħafna frott” (Ġw 12:24). Qed jitkellem dwar proċess naturali. Il-ħabba tal-qamħ tibqa’ sterili, ma tagħmilx frott, jekk tibqa’ weħidha. B’xi mod tingħalaq fiha nnifisha imma bil-proċess tad-difna tagħha fil-ġuf tal-art, hi ma tibqax weħidha u tgħaddi mill-proċess tal-mewt imma wkoll tal-ħajja l-ġdida. Minn qamħa, minn  ħabba waħda, issir żbula mimlija ħabbiet ta’ qamħ. Allura Ġesù qed jgħidilna li hu msejjaħ u din is-siegħa tiegħu li jmut, li jagħti ħajtu għalina, hi l-bidu ta’ familja kbira.

Ġesù jitkellem ukoll dwar it-telfa ta’ ħajtu: “Min jitlef ħajtu jsibha” (ara Ġw 12:25). Hekk qed jagħmel Ġesù fil-Ġimgħa l-Kbira: qed jagħti ħajtu, jitlifha imma jerġa’ jakkwistaha. B’dawn it-tixbihat qed jgħallem lil kull wieħed u waħda minna dak li f’kull ħames Ħadd tar-Randan nitolbu fil-bidu tal-quddiesa. U xi tlabna għalih?

“Agħtina l-għajnuna tiegħek, Mulej, biex bil-ħeġġa kollha ta’ qalbna ngħixu b’dik l-istess imħabba li wriena Ibnek meta kien mogħti għall-mewt għalina.”

Din hi talba tal-Knisja li l-knejjes kollha fid-dinja Kattolika qed jitolbu magħna llum. Imma x’qed ngħidu? L-għotja ta’  Ġesù fil-mewt ħarxa tiegħu u fil-qawmien tiegħu mill-imwiet hija skola ta’ mħabba. Għallimna, agħtina l-għajnuna biex ngħixu b’dik l-istess imħabba li wriena Ibnek.

Għalhekk, fil-bidu tal-quddiesa smajna wkoll il-qari mill-profeta Ġeremija li jagħtina profezija straordinarja. Jgħidilna li l-patt tagħna  ma’  Alla mhux kwistjoni ta’ kmandamenti jew inkella ta’ xi ħaġa miktuba. Il-Liġi t’Alla, li hi l-liġi tal-imħabba, l-ewwel li hi miktuba hija fil-qalb ta’ kull wieħed u waħda minna (ara Ġer 31:33). Allura, aħna u nħarsu lejn Ġesù msallab u rxuxtat, lejn ommu addolorata wieqfa ħdejn is-salib ta‘ binha, ejjew nistaqsu lilna nfusna: b’liema tip ta’ mħabba qiegħed ngħix? Għandi x’nitgħallem b’dan ir-Randan, b’din il-Ġimgħa l-Kbira dwar il-prezz u l-frott tal-imħabba?

L-Evanġelju tal-lum ma jiċħadx ukoll id-diqa ta’ Ġesù. L-għotja tiegħu mhix għotja rħisa, mhix għotja taċ-ċajt; hija għotja li fil-ħruxija tagħha toħloq fih ansjetà kbira: “Qiegħed nitħawwad. U x’naqbad ngħid biex il-Mulej jeħlisni minn din is-siegħa ta’ umiljazzjoni, ta’ tbatija, ta’ mewt? Imma jiena għalhekk ġejt għal din is-siegħa” (ara Ġw 12: 27-28). Il-Mulej, il-Missier, isemma’ leħnu bħalma għamel fuq it-Tabor u fil-mument tal-magħmudija ta’ Ġesù biex jikkonferma lil ibnu fl-ubbidjenza tiegħu. Għaliex l-għotja ta’ Ġesù hija din: li jobdi r-rieda tal-Missier, xi ħaġa li lilna għallimilna meta għallimna nitolbu “Missier, jitqaddes ismek, tiġi saltnatek, ikun li trid int kif fis-sema hekkda fl-art. Ikun li trid int!”

Mela kull talba li nagħmlu ’l Mulej, sew biex ifejjaqna, biex it-tifel jgħaddi mill-eżami, jew biex ikollna s-saħħa, huma kollha talb tajbin.  Aħna sottomessi għal dik it-talba li għallimna u li għex huwa stess. X’naqbad ngħid? Tkun magħmula r-rieda tiegħek.

“Min jaqdi lili,” jgħid Ġesù, “il-Missier jagħtih ġieħ”. Aħna kif se nkunu qaddejja tal-Imgħallem? Billi nimitawh. Illum neżaminaw lilna nfusna fuq l-imħabba tagħna. L-imħabba tagħna minn min qiegħda titgħallem, f’liema skola marret? L-imħabba tal-egoiżmu, tal-ħabba tal-qamħ li tibqa’ weħidha? Jew inkella tal-ħabba tal-qamħ li lesta taqa’ fl-art u tmut biex ma tibqax weħidha imma tagħmel ħafna frott?

Illum il-ħsieb tiegħi imur għal dawk iż-żgħażagħ li ddeċidew jidħlu għall-ħajja taż-żwieġ, għal dawk il-ġenituri li jitolbu bil-ħerqa u laqgħu fil-ħajja tagħhom id-don tal-ulied, għall-missirijiet u l-ommijiet li fil-maltemp u l-bnazzi joħorġu kuljum għax-xogħol. Dik ukoll hija l-ħabba tal-qamħ li taqa’ fl-art u tmut.

Ħsibijieti llum jmorru wkoll f’dawk kollha li jieħdu ħsiebna fl-isptarjiet, fir-residenzi tal-anzjani, fir-residenzi ta’ korrezzjoni, f’tant ambjenti fejn hemm bżonn dedikazzjoni u mħabba u paċenzja kbira. Anke dik hija l-ħabba tal-qamħ li taqa’ fl-art u tmut. Min jgħix din it-tip ta’ mħabba mhuwiex ’il bogħod mill-iskola ta’ Ġesù għaliex l-iskola ta’ Ġesù hija xi ħaġa konkreta. Agħmel id-dover tiegħek, agħmlu bil-ferħ imma tinsiex li l-imħabba vera mhix irħisa; l-imħabba vera toqros ukoll fil-laħam il-ħaj.

Madre Tereża ta’ Kalkutta, qaddisa ta’ żmienna, kellha din l-espressjoni diffiċli biex tifhimha u biex tgħixha imma li fuq kollox narawha f’tant minn ħutna: Love until it hurts. Jekk inti tħares lejn l-omm ħdejn is-sodda ta’ binha marid, jekk tara l-ulied jieħdu ħsieb lil ommhom u jagħtu ħajjithom biex jgħixu r-raba’ kmandament, m’intix qed tkun xhud ta’ mħabba sal-aħħar?  Ejjew illum nieqfu u ngħidu: il-Mulej kemm berikna b’tant xhieda ta’ mħabba. Ejjew nitgħallmu wkoll minn dawk li l-Papa Franġisku bir-raġun isejjaħ: il-qaddisin ġirien tagħna.

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Qari tal-quddiesa
Qari I: Ġer 31:31-34
Salm: 50(51):3-4,12-13,14-15
Qari II: Lhud 5:7-9
L-Evanġelju: Ġw 12:20-33

Aktar ritratti