L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi

“B’wiċċu minn quddiem qiegħed jitkellem” (Ġw 7:26). Dan hu li jgħidu n-nies hawnhekk fuq Ġesù, fl-Evanġelju skond San Ġwann, u qed jiskantaw għax hu qed jitkellem b’wiċċu minn quddiem fit-tempju, imma jafu li hemm min irid joqtlu. Qegħdin hawnhekk fil-festa tal-Għerejjex, u s-seba’ kapitlu ta’ San Ġwann jitkellem proprju fuq din il-festa. Ġesù ma kienx sejjer fil-bidu. Fil-fatt, qabel din is-silta, il-qraba tiegħu jgħidulu: mhux aħjar titla’ inti? Hu jgħidilhom: le. Ma telax mal-ewwel imma tela’ aktar tard. Ma riedx li jitla’ b’ħafna storbju, b’ħafna kjass li jsir għax kienu jafu min hu, imma tela’ bil-kwiet. Ma telax biex jipprovokahom, imma tela’ biex jgħallem, biex ikompli jwassal il-Bxara t-Tajba, u speċjalment l-enfasi li għamel li hu mibgħut mill-Missier, ir-rabta tiegħu ħaġa waħda mal-Missier.

Fl-Evanġelju tal-lum naraw opinjonijiet fuq Ġesù, speċjalment kuntrast bejn il-mexxejja reliġjużi u n-nies. Il-mexxejja reliġjużi lil Ġesù riedu joqtluh. Mhux biss irrifjutawh, mhux biss ma tawx każ tal-kelma tiegħu u meta raw is-sinjali baqgħu ma emmnux, imma riedu joqtluh, kif jissemma aktar minn darba f’din is-silta. 

Imma n-nies d-differenti. In-nies kienu qed jaħsbu: tgħid hu l-Messija, tgħid mhuwiex il-Messija? Fil-fatt, anke qabel din is-silta, meta qed jitkellem fuq l-opinjoni tan-nies, hemm: “min beda jgħid li raġel tajjeb, u min qal li ma kienx għax kien qed iqarraq bin-nies” (Ġw 7:12). Imma hawn diversi minnhom jibdew jaħsbu li hu l-Messija, speċjalment għax kien għadhom kif raw is-sinjal tal-fejqan tal-paralitiku, u għalhekk qed jgħidu: meta qed naraw dawn is-sinjali, dawn mhumiex is-sinjali ta’ meta jiġi l-Messija? Fil-fatt, anke fis-silta ta’ wara din, hemm il-kummenti tan-nies: “Meta jiġi l-Messija, se jagħmel sinjali aktar milli qiegħed jagħmel dan?” (Ġw 7:31) 

Dawn huma l-opinjonijiet differenti li għandna hawn. Imma mbagħad hemm silta oħra, li nafu biha aħna, fejn hemm stqarrija ta’ Pietru li lil Ġesù jgħidlu: “Inti l-Messija, Bin Alla l-ħaj” (Mt 16:16). U Ġesù jgħidlu: “Hieni int…” (Mt 16:17) Tolqotna din, għax il-mument li sar jaf b’Ġesù l-ewwel darba Pietru, kien ġie ħuh, Indri, u qallu “sibna l-Messija” (Ġw 1:41). Meta għamel żmien miegħu, ikkonferma tassew dan, u għamel din l-istqarrija. 

Għalhekk naraw dawn l-opinjonijiet differenti li jagħtu messaġġ importanti għal ħajjitna llum. Hemm min irrifjutah, bħalma għamlu l-mexxejja reliġjużi, u fi żmienna hemm min jirrifjutah lil Ġesù. Hemm min qisu jkun f’dilemma jekk hux il-Messija jew mhuwiex, opinjonijiet differenti. U hemm min jistqarru bħalma għamel Pietru: inti l-Messija, int is-Salvatur tagħna. L-istedina tal-kelma ta’ Alla hi biex aħna f’Ġesù nagħrfu tassew li hu l-Messija, mibgħut biex lilna jsalavana. Huwa hu li jsalvana, miegħu li nafu li aħna fiż-żgur, hu li hu t-Triq, il-Verità u l-Ħajja.

Tolqotna kif Ġesù hawnhekk kien “b’wiċċu minn quddiem qiegħed jitkellem”, mingħajr biża’. L-istedina li tagħmlilna l-kelma ta’ Alla llum hija li aħna lil Ġesù nagħrfu fih is-Salvatur, imma wkoll li aħna lil Ġesù nwassluh mingħajr biża’, bil-kuraġġ kollu. Ma għandniex għalfejn nibżgħu, anke jekk ikun hemm opinjonijiet differenti. Ma għandniex nibżgħu nagħżlu s-sewwa qalb ħafna opinjonijiet. Għandu jkollna dal-kuraġġ li b’wiċċna minn quddiem, mingħajr sens ta’ inferjorità, inwasslu lil Ġesù Ħaj. Nitolbu lill-Mulej illum id-dehen biex nagħrfuh bħala s-Salvatur tagħna, u nitolbuh il-kuraġġ biex inwasslu lill-oħrajn Ġesù li hu ħaj, li hu s-Salvatur tal-umanità kollha.

✠ Joseph Galea-Curmi   
    Isqof Awżiljarju