L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi

“Beda jikteb b’sebgħu fit-trab” (Ġw 8:6). Dan hu li naqraw fuq Ġesù li kien qiegħed it-tempju, u l-kittieba u l-Fariżej ħadulu quddiemu waħda mara li nqabdet fl-adulterju. Staqsewh x’jagħmlu, jekk jimxux mal-liġi ta’ Mosè li kienet tgħid li nies bħal dawn iħaġġruhom. Dil-mistoqsija ma għamluhiex lil Ġesù għax kellhom xi dubju, jew biex jiċċaraw l-affarijiet, imma, kif jgħid l-Evanġelju, “biex iġarrbuh” (Ġw 8:6).

Għaliex iġarrbuh? Għax riedu jqiegħduh dahru mal-ħajt. Jekk jgħidilhom “le, tħaġġruhiex”, ikun qed imur kontra dak li kien hemm miktub fil-ktieb tad-Dewteronomju (22:22-24), u anke fil-ktieb tal-Levitiku (20:10), li min jinqabad fl-adulterju għandu jmut. Hemm kien hemm miktub li t-tnejn li huma, mhux il-mara biss, bħalma ġabu lil Ġesù quddiemu. Kieku Ġesù qalilhom “tħaġġruhiex”, kien qed imur kontra dak li kien hemm miktub. Jekk jgħid “iva, imxu mal-liġi u ħaġġruha”, żgur kienu jgħidulu: fejn hi l-ħniena, fejn hi l-imħabba li l-ħin kollu titkellem fuqhom? 

X’għamel Ġesù? L-Evanġelju jgħid li meta staqsewh “int… xi tgħid?” (Ġw 8:5), Ġesù niżel u qagħad jikteb b’sebgħu fit-trab. Issa fuq din, billi ma għandniex x’kiteb Ġesù, u ma hemm ebda dettall, hemm ħafna min jgħid ħaġa u min jgħid oħra dwar x’kiteb. Imma hemm dettall interessanti fil-ktieb tal-Profeta Ġeremija li b’xi mod qisu konness ma’ dan li għamel Ġesù. Jgħid hekk: “It-tama ta’ Israel int, Mulej, kull min jabbandunak, jitħawwad. Dawk li jitbiegħdu minnu fit-trab jinkitbu, għax telqu lill-Mulej, l-għajn tal-ilma ġieri” (Ġer 17:13). Fil-fatt, ftit qabel din is-silta tal-Evanġelju skont San Ġwann li smajna llum, fil-kapitlu ta’ qabel, Ġesù jitkellem fuqu nnifsu bħala l-għajn tal-ilma ħaj. Hawnhekk f’Ġeremija hemm miktub: dawk li jitbiegħdu mill-Mulej fit-trab jinkitbu.

Meta bdew jinsistu, Ġesù qalilhom: “Min fostkom hu bla dnub, jitfgħalha hu l-ewwel ġebla” (Ġw 8:7). U b’din it-tweġiba tiegħu, lil dawk li kienu hemmhekk, Ġesù ġabhom f’sensihom, għax l-Evanġelju jgħid li wieħed wieħed, “ibda mix-xjuħ” (Ġw 8:9) telqu. Ħadd minnhom ma kien bla dnub, fit-tempju Ġesù biss kien bla dnub. Dawn telqu. 

Għalhekk Ġesù jsalva l-ħajja tal-mara. Mhux biss, imma jerfagħha mid-dnub tagħha. U hemm il-mara tagħmel l-esperjenza ta’ min hu Alla: Alla li jħobb, Alla li jħenn, Alla li jaħfer; li dejjem lest li jfittex lill-midneb biex jaħfirlu. Din hi l-esperjenza sabiħa ta’ din il-ġrajja: il-mara f’Ġesù rat il-Mulej li lilha jaħfrilha, il-Mulej kollu ħniena magħha. Ġesù mhux biss jaħfrilha, imma jagħtiha l-possibbiltà li tibda ħajja ġdida, għax jgħidilha: “Mur, u mil-lum ’il quddiem tidnibx iżjed” (Ġw 8:11). Ara kif Ġesù hu kollu ħniena u maħfra, imma ċar – il-ħażin issejjaħlu ħażin. Lill-mara ma qalilhiex: jekk dan hu l-istil tal-ħajja tiegħek, jien m’jien se ngħidlek xejn, kompli b’dan l-istil, ma nindaħallekx. Ma qalilhiex hekk Ġesù. Ma qalilhiex: jekk inti tħoss li b’dal-mod qed tgħix kif jogħġbok, kompli hekk. Ma qalilhiex hekk Ġesù. Qalilha: mil-lum ’il quddiem tidnibx iżjed. Ġesu wera li Alla hu kollu mħabba u ħniena, lilna jaħfrilna, imma li hu ċar magħna wkoll biex aħna t-tajjeb insejħulu tajjeb, u l-ħażin inkomplu nsejħulu ħażin.

Nirringrazzjaw lill-Mulej illum ta’ din l-esperjenza sabiħa ta’ ħniena; lilna wkoll il-Mulej dejjem jaħfrilna, qatt ma għandna naqtgħu qalbna mill-ħniena ta’ Alla, hu kollu mħabba u ħniena magħna. Fl-istess waqt, nitolbuh ukoll biex aħna ma nkunux dawk li niġġudikaw jew nikkundannaw lill-oħrajn, imma nagħrfu wkoll nagħżlu dak li hu tajjeb u niddistingwu l-ħażin mit-tajjeb, ħalli nimxu tassew dejjem fit-triq tal-ħajja li wriena hu.

✠ Joseph Galea-Curmi   
    Isqof Awżiljarju