-
-
Il-Qdusija Tiegħu l-Papa Franġisku ħatar lill-Arċisqof Charles J. Scicluna bħala Segretarju Aġġunt tal-Kongregazzjoni għad-Duttrina tal-Fidi tas-Santa Sede. Filwaqt li jibqa’ l-Arċisqof ta’ Malta, Mons. Scicluna ser jagħti sehem ikbar f’din il-Kongregazzjoni li hija responsabbli mill-promozzjoni u l-ħarsien tad-duttrina tal-fidi u l-morali fil-Knisja.
Fil-preżent, l-Arċisqof Scicluna huwa membru tal-Kongregazzjoni għad-Duttrina tal-Fidi u President ta’ Kulleġġ Speċjali fl-istess Kongregazzjoni, li jiddeċiedi rikorsi f’xi proċessi kanoniċi. Biex jaqdi l-missjoni fdata lilu mill-Papa Franġisku, l-Arċisqof Scicluna ser ikun Ruma għal ftit jiem fix-xahar. Fl-assenza tal-Arċisqof, it-tmexxija ordinarja tal-Arċidjoċesi ta’ Malta tkun f’idejn l-Isqof Awżiljarju Mons. Joseph Galea-Curmi.