Kappillan ġdid għall-parroċċa ta’ Pembroke
L-Arċisqof Charles Scicluna qed jafda il-ħidma pastorali tal-parroċċa ta’ Kristu Rxoxt f’Pembroke f’idejn Dun Aayrton Muscat biex ikun il-kappillan il-ġdid tagħha.
Dun Aayrton Muscat twieled fis-26 ta’ Novembru 1992. Irċieva l-edukazzjoni tiegħu fl-Iskola Primarja tal-Imtarfa, fil-Kulleġġ San Elija f’Santa Venera, fil-Junior College u l-Higher Secondary. Huwa kompla l-istudji terzjarji fil-Filosofija u t-Teoloġija fil-Fakultà tat-Teoloġija fl-Università ta’ Malta. Dun Aayrton kompla l-istudji tiegħu b’Liċenzja fix-Xjenzi tal-Familja u Żwieġ, fl-Istitut Ġwanni Pawlu II fi ħdan l-Università tal-Lateran f’Ruma fl-Italja.
Hu ġie ordnat saċerdot fis-27 ta’ April 2019 u serva pastoralment fil-parroċċi ta’ San Ġiljan u tal-Imtarfa. Fl-2021 inħatar bħala Assistent Direttur tal-Moviment ta’ Kana, entità tal-Knisja li toffri servizzi varji kif ukoll għajnuniet varji ta’ sostenn lill-familji, koppji u individwi. Minn din is-sena, Dun Aayrton se jkun id-Direttur Spiritwali tal-Moviment ta’ Kana.
Il-parroċċa ta’ Pembroke tiġbor fiha madwar 3,500 persuna.
Chaplain ġdid għal Junior College
L-Arċisqof Charles Scicluna qed jafda l-ħidma pastorali fil-Junior College f’idejn Dun Jesmond Grech, li se jkun responsabbli mill-ħidma pastorali mal-istudenti, letturi u staff ta’ dan il-kulleġġ.
Dun Jesmond Grech twieled Ħ’Attard fit-8 ta’ Diċembru 1967 u ħa l-edukazzjoni tiegħu fl-iskola ta’ St Joseph fir-Rabat u f’Savio College f’Ħad-Dingli. Kompla l-edukazzjoni terzjarja mal-kongregazzjoni Salesjana f’Maynooth University fl-Irlanda u fl-Università Pontifiċja Salesjana f’Ruma fl-Italja.
Ġie ordnat saċerdot fis-27 ta’ Lulju 1996 u ħadem mat-tfal u ż-żgħażagħ f’diversi istituzzjonijiet Salesjani f’Malta. Matul is-snin ta servizz pastorali fil-parroċċi ta’ Santa Elena f’Birkirkara, f’dik ta’ San Bartilmew f’Ħal Għargħur u f’ta’ San Filep f’Ħaż-Żebbuġ.
Għal dawn l-aħħar 18-il sena Dun Jesmond kien chaplain u għalliem f’St Michael Foundation f’San Ġwann.
Il-Junior College, fi ħdan l-Università ta’ Malta, jilqa’ fih madwar 1,800 student fis-sena.
Direttur Nazzjonali tal-Abbatini ġdid
L‑Arċisqof Charles Scicluna ħatar lil Dun Jean-Claude Schembri bħala d-Direttur Nazzjonali tal-Abbatini. Monsinjur Arċisqof irringrazzja lil Dun Frans Bonnici li serva f’din il-kariga għal snin twal.
Dun Jean-Claude Schembri twieled iż-Żejtun fit-30 ta’ Ġunju 1995. Irċieva l-edukazzjoni tiegħu fl-iskola primarja taż-Żejtun, fil-Kulleġġ Missjunarju ta’ San Pawl, u fil-Junior College. Huwa kompla l-istudji terzjarji fil-Filosofija u t-Teologija fil-Fakultà tat-Teoloġija fl-Università ta’ Malta.
Fit-8 ta’ Mejju 2021 ġie ordnat saċerdot u serva għal sentejn bħala Viċi-Arċipriet fil-Parroċċa ta’ San Nikola fis-Siġġiewi. Fl-2022 inħatar bħala Assistent Direttur għaċ-Ċentru tal-Vokazzjonijiet u fl-2023 inħatar bħala chaplain tas-Seminarju Minuri. Dun Jean-Claude Schembri se jibqa’ jokkupa dawn iż-żewġ karigi.
Id-Direttur Nazzjonali tal-Abbatini għandu l-missjoni li jikkordina u jiffaċilita l-ħidma tal-għaqdiet kollha tal-abbatini li hemm fil-parroċċi, fiż-żoni u fil-knejjes madwar Malta. Il-ħidma tinkludi t-tisħiħ tal-formazzjoni Nisranija, liturġika u umana tat-tfal u l-adolexxenti li jiffurmaw parti minn dawn l-għaqdiet, b’tali mod li ’l quddiem ikollhom l-għodda meħtieġa biex ikunu jistgħu jwieġbu b’libertà għas-sejħa li Alla jagħmlilhom fil-ħajja tagħhom. Huwa wkoll responsabbli li jippromwovi u jsostni lil dawn l-għaqdiet billi jkun preżenti magħhom minn żmien għal żmien. Huwa responsabbli wkoll mill-kordinament tal-kors għall-abbatini, għal dawk li għandhom 11-il sena u aktar, li permezz tiegħu jkunu jistgħu jmorru jservu fil-liturġija li ssir fil-Bażilika ta’ San Pietru fil-Vatikan.