L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi

Ir-risposta għall-mistoqsija li għamel Ġesù fl-Evanġelju llum hi ovvja. Għax Ġesù qal il-parabbola ta’ dak il-missier li kellu żewġ ulied: lil wieħed li hu l-kbir, qallu biex imur jaħdem fl-għalqa tad-dwieli u qallu ma rridx, imma mbagħad mar. U l-ieħor li qallu ‘arani sejjer’ u ma marx. U l-mistoqsija ta’ Ġesù kienet: min minnhom għamel li ried il-missier? Hi ovvja. Għamel li ried il-missier min mar kif qallu l-missier mhux min qal ħafna affarijiet bil-kliem u ma marx.

Aħna nistgħu nifhmuh ħafna lil Ġesù fil-ħajja tagħna. Għandna l-esperjenza li tiftiehem ma’ xi ħadd biex jiġi jirranġalek xi ħaġa d-dar u ma jiġix. Għalhekk nistgħu nifhmuh dak li Ġesù qed jgħid llum fl-Evanġelju. Hawnhekk Ġesù kien qed jindirizza lill-qassisin il-kbar u x-xjuħ tal-poplu u kien qed jgħidilhom kif huma hekk qed jagħmlu ma’ Alla: bil-kliem jgħidulu mod, jiġifieri jgħidu ‘iva’ u bil-fatti jagħmlu mod ieħor – jgħidulu ‘le’.

Ġesù jġibilhom eżempju ta’ nies oħra li għall-bidu rrifjutaw lil Alla imma mbagħad biddlu l-fehma u l-ħajja tagħhom u mxew kif ried Alla. Dan li qed jgħid Ġesù fl-Evanġelju llum qed jgħidu lilna wkoll u qed jurina kemm hemm bżonn neżaminaw ħajjitna biex dak li ngħidu jkun jaqbel ma’ dak li tassew nagħmlu u ngħixu. Bil-Malti għandna espressjoni li tgħid: ‘Bejn il-kliem u l-fatti hemm baħar jikkumbatti.’ Imma Ġesù ma jridx hekk minna fil-ħajja Nisranija tagħna. Imma jrid li meta nittrattaw ma’ Alla u ma’ xulxin, nagħrfu ngħidu tassew,  dak li nagħmlu u ngħixu tassew.

Jista’ jiġrilna f’ħajjitna li ngħidu mod u nagħmlu mod ieħor. Smajna fit-tieni qari fl-ittra ta’ San Pawl fejn jgħid – tkunux moħħkom b’mentalità ta’ ġlied bejnietkom. U ngħidu kemm hi sabiħa l-paċi, l-unjoni, li nkunu ħaġa waħda. Ġieli ngħidu hekk imma bil-mod kif inġibu ruħna nkunu aħna stess li nnisslu l-kunflitt, il-ġlied u t-tilwim. Ngħidu mod u nagħmlu mod ieħor.

Fit-talba tal-Missierna ngħidu: ‘Aħfrilna bħalma naħfru lil min hu ħati għalina.’ Imma ġieli ngħidu hekk fit-talba u f’qalbna jkollna spirtu ta’ vendikazzjoni, jew ta’ vendetta minn xi ħadd li għamlilna l-ħsara. Inkunu qed ngħidu mod u nagħmlu mod ieħor.

Ngħidu kemm hi sabiħa l-paċi, l-unjoni, li nkunu ħaġa waħda. Ġieli ngħidu hekk imma bil-mod kif inġibu ruħna nkunu aħna stess li nnisslu l-kunflitt, il-ġlied u t-tilwim. Ngħidu mod u nagħmlu mod ieħor.

L-istess ngħidu: ‘Kemm hi sabiħa l-onesta!’ Imma ġieli jiġri f’ħajjitna li nqabblu kif jaqbel. Allura ninsew li nkunu għidna għax f’dak il-każ partikulari nistgħu anki nqarrqu basta niksbu dak li rridu għalina. Allura nkunu qed ngħidu mod u nagħmlu mod ieħor.

Li nitolbu lil Ġesù hu li għal ħajjitna dejjem nagħmlu ħilitna li ngħidu dak li hu sewwa u nagħmlu dak li hu sewwa. Issa aħna lkoll bnedmin,  jiġrilna li kultant niżbaljaw f’dan. Għalhekk nitolbu maħfra lil Alla fil-bidu ta’ kull quddiesa, meta ngħidulu biex jaħfrilna dnubietna qabel ma niċċelebraw il-quddiesa imma wkoll nagħrfu ħtijietna u nitolbuh biex nerġgħu naqbdu t-triq it-tajba meta niżbaljaw.

Għalhekk meta Ġesù semma l-eżempju ta’ wieħed mill-ulied, li l-ewwel qalu le, imma mbagħad bidel fehmtu. Għandna nibdlu l-fehma tagħna mill-ħażin għat-tajjeb. Għandna nagħmlu din il-ħidma mill-ħażin għat-tajjeb. Imma Ġesù dejjem għamel differenza bejn meta aħna midinbin, nagħrfu ħtijietna u nitolbu maħfra; u meta niġġustifikaw ruħna fil-ħażen tagħna. Jiġifieri nkomplu nagħmlu hekk qisu dan l-istil tal-ħajja tagħna. Allura niġu, dak li semma’ Ġesù, ngħidu mod u nagħmlu mod ieħor. U mhux għax żbaljajna u tlabna maħfra. Imma għax hekk ngħixu ħajjitna. Hemm ikun l-iżball. U għal dan qed jgħid Ġesù u għalhekk ġibed l-attenzjoni tal-mexxejja reliġjużi ta’ dak iż-żmien biex aħna f’ħajjitna nfittxu li ngħidu dak li hu sewwa imma nagħmlu wkoll dak li hu sewwa. U jkun hemm qbil bejn dak li ngħidu li nemmnu u dak li nagħmlu f’ħajjitna.

Ejja nitolbu lill-Mulej l-grazzja llum ta’ din il-konsistenza fl-għemil tagħna. Nitolbuh biex fil-ħajja tagħna nfittxu li nwieġbu ‘iva’ mhux bil-kliem biss imma qabelxejn bil-fatti.

✠ Joseph Galea-Curmi   
    Isqof Awżiljarju


Aktar ritratti