L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi

“Ħraxu għal Ġesù” (Ġw 5:16). Din il-kelma “ħraxu” tolqotna ħafna f’dan l-Evanġelju. Dan għaliex meta inti taqra x’għamel Ġesù hawnhekk, tinduna li għamel xi ħaġa ta’ ġid, ta’ ġid kbir. Għaliex l-Evanġelju jgħid li l-Lhud “ħraxu għal Ġesù”? Ir-raġuni jagħtihielna l-Evanġelju stess: “għax f’Jum is-Sibt kien jagħmel ħwejjeġ bħal dawn” (Ġw 5:16). Bħal liema? Xi ħwejjeġ kien jagħmel Ġesù? F’Jum is-Sibt kien jagħmel il-ġid, kien ifejjaq.

Ara x’ġaralhom dawn – ma kinux il-Lhud kollha imma numru minnhom – fil-mentalità żbaljata li biex iħarsu Jum is-Sibt, li kienet ħaġa importanti, spiċċaw li tant iffissaw fuq din li ma kinux kapaċi jgħidu li f’Jum is-Sibt għandek tagħmel il-ġid, f’Jum is-Sibt għandek tifraħ meta xi ħadd ifiq, mhux tiħrax għal xi ħadd li jfejjaq.

Fl-Evanġelju jolqotna ħafna l-kuntrast ta’ Ġesù ma’ dawn in-nies. Meta mar fejn kien hemm miġburin diversi nies fil-bżonn, sab lil wieħed li kien mill-iktar fil-bżonn. Kien ilu tmienja u tletin sena marid u kien żvantaġġjat. Meta Ġesù staqsieh “Trid tfiq?” (Ġw 5:6), dan il-bniedem semmielu l-iżvantaġġ tiegħu, li qatt ma rnexxielu jkollu l-okkażjoni li jitfejjaq. Ġesù qallu: “Qum, aqabad friexek, u imxi!” (Ġw 5:8)

Ara l-qalb ta’ Ġesù li tħoss għall-bniedem li qed ibati, u għal dawk li huma fl-ikbar tbatija, l-aktar fil-bżonn! Innutaw li dal-bniedem ma kienx jafu lil Ġesù – mhux, per eżempju, Ġesù fejjaq lil xi ħadd ħabib tiegħu, jew ta’ ġewwa. Anqas kien jafu. Anke wara li fejqu, meta qabdu miegħu l-Lhud, qalilhom li ma kienx jaf min kien dak li fejqu. Imma Ġesù fejqu, Ġesù tah din il-ħajja ġdida biex ikun jista’ jimxi u jgħix ħajja normali.

Iktar ’il quddiem, meta Ġesù sabu fit-tempju, jgħidlu: Oqgħod attent li ma tidnibx, biex “ma tiġrilekx xi ħaġa agħar” (Ġw 5:15). Għaliex? Għax li tidneb agħar milli tkun marid, għax tidneb tfisser li qed tmur kontra Alla. Għalhekk “xi ħaġa agħar”. Ġesù ried li dan ikollu fejqan sħiħ. Din hija l-qalb ta’ Ġesù li tħoss għal min qed ibati u għal min hu l-aktar fil-bżonn.

Aħna llum nirringrazzjaw lill-Mulej. Inqiegħdu quddiemu wkoll il-bżonnijiet tagħna, il-fejqan li għandna bżonn – jista’ jkun fiżiku, emozzjonali, spiritwali. Nitolbuh biex lilna jfejjaqna, u nitolbuh ukoll biex jagħtina l-ispirtu tiegħu ta’ mħabba lejn dawk li qed ibatu u, speċjalment, ta’ mħabba kbira lejn dawk l-aktar fil-bżonn.

✠ Joseph Galea-Curmi   
    Isqof Awżiljarju