L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi
“Tiġġudikawx” (Mt 7:1). Din hija l-kelma qawwija li jgħid Ġesù fl-Evanġelju llum, kelma li titlob ħafna minna. Ġesù ma jridniex niġġudikaw, u l-ewwel raġuni hi li ġudizzju sħiħ u tajjeb jista’ jagħmlu biss Alla waħdu. Dan għaliex huwa Alla li jagħraf il-profondità tal-qalb. Huwa Alla li jgħarbel il-ħsibjiet tal-moħħ u l-fehmiet tal-bniedem. Huwa Alla li jaf l-istorja sħiħa tal-bniedem – l-imgħoddi, it-trobbija, minn xiex għadda, minn xiex għaddej bħalissa. Hu li jista’ jgħid tassew bis-sħiħ fuq il-bniedem, għaliex jaf dak kollu li għandu l-bniedem. Huwa biss li jaf kollox, li jaf l-istorja sħiħa.
Għaliex aħna ma nistgħux niġġudikaw? Għax aħna nafu ħafna drabi l-qoxra ta’ barra, l-apparenza li minnha ma nistgħux nagħmlu ġudizzju li jkun tajjeb. U anke jekk inkunu nafu iktar, għax nisimgħu l-istorja tal-persuna u nkunu nafuha aktar, imma qatt ma nistgħu nafu l-istorja sħiħa kif jafha Alla, qatt ma nistgħu nkunu f’pożizzjoni li nagħmlu verament ġudizzju tal-persuna kif jista’ jagħmel Alla. Għalhekk, irridu noqogħdu ħafna attenti għax kultant ġa jkun ħażin li nagħmlu ġudizzju fil-moħħ, imma ħafna agħar meta mbagħad dak li jiġina f’moħħna ngħiduh, inperrċuh, u lill-persuna nagħmlu ġudizzju fuqha li nxerrduh mal-oħrajn.
Meta l-Mulej qalilna “tiġġudikawx”, fil-fatt lilna għamlilna l-akbar pjaċir. Għaliex qed jgħidilna: ħallu l-ġudizzju f’idejja. Toqogħdux sejrin f’moħħkom “ara dak, ara dik, ara l-oħra”, u l-ħin kollu tmaħħu fuq ħaddieħor. Meta aħna nħallu l-ġudizzju f’idejn Alla, ngħixu ħafna aktar fil-paċi u s-serenità.
Ġesù jgħid ħaġa oħra hawnhekk. Jgħid: flok inħarsu lejn l-oħrajn u niġġudikawhom, ħa nħarsu l-ewwel lejna nfusna. Ġesù jistedinna nħarsu lejna nfusna, u jġib dik it-tixbiha li nifhmuha. Jgħid li kultant jiġri li aħna naraw it-tibna f’għajn ħuna, u ma narawx it-travu li għandna aħna. Qed jgħid Ġesù li kultant jiġri li aħna naraw id-difetti, l-iżbalji u d-dnubiet ta’ ħaddieħor, imma kieku nħarsu lejna, nintebhu li aħna wkoll ikollna d-difetti, l-iżbalji u d-dnubiet. Kultant dak li jdejjaqna f’ħaddieħor jista’ jkun ukoll fina. Għalhekk irridu noqogħdu attenti. Iktar ma aħna nkunu konxji ta’ dan li qed jgħid Ġesù, aktar nistgħu nagħdru lill-oħrajn.
Issa tiġi waħedha l-mistoqsija: jekk Ġesù jgħidilna “tiġġudikawx”, ifisser li dak li hu ħażin tħallih għaddej għax tgħid “ma niġġudikax”? Jekk per eżempju, tisma’ xi ħadd jidgħi – forsi dak il-ħin ma jkunx il-waqt li tkellmu jekk ikun irrabjat ħafna – imma meta jkun hemm xi ħaġa hekk, tgħid “ma niġġudikax” u tħalli kollox għaddej? Jekk inti qiegħed fuq il-post tax-xogħol u tara l-korruzzjoni, il-frodi, l-inġustizzji, meta Ġesù jgħid “tiġġudikawx” ifisser li tagħlaq għajnejk biex ma tara xejn? Mhux hekk qed jgħid Ġesu! Il-ħażin għandna nissieltu kontrieh, kif għamel Ġesù stess, li wriena li qatt ma għandna naċċettaw sitwazzjonijiet ħżiena, imma għandna naħdmu bis-sħiħ kontra dak li hu ħażin, kontra fejn hemm l-abbuż. Imma li qed jgħid Ġesù hu li aħna nagħmlu d-distinzjoni, li mhix faċli, bejn dak li hu ħażin u li għandna naħdmu kontrieh, u l-persuna kif inhi quddiem Alla – dik jaraha l-Mulej, mhux aħna. Din hi distinzjoni li ħafna drabi ma ssirx, imma hi distinzjoni li għandha tkun karatteristika tagħna bħala Nsara, bħala nies li nimxu wara Ġesù u li nieħdu bis-serjetà l-kelma tiegħu.
Nitolbu lill-Mulej: għinna biex aħna ma niġġudikawx, u l-ġudizzju tal-persuna, kif inhi quddiemek, inħalluh f’idejk; imma fl-istess waqt agħtina l-għerf ukoll biex nagħrfu niġġudikaw bejn it-tajjeb u l-ħażin, bejn dak li hu ta’ ġid u dak li hu ta’ ħsara.
✠ Joseph Galea-Curmi
Isqof Awżiljarju