L-Uffiċċju għaċ-Ċelebrazzjonijiet Liturġiċi tal-Papa lbieraħ ippubblika l-kalendarju ta’ ċelebrazzjonijiet li se jkun qed jippresiedi l-Papa bejn Frar u April.

FRAR

L-Erbgħa 2: Festa tal-Preżentazzjoni ta’ Ġesu u l-Jum Dinji tal-Ħajja Ikkonsagrata. Fil-5.30pm fil-Bażilika tal-Vatikan, isiru l-Vespri minn membri tal-Istituti għall-Ħajja Ikkonsagrata u s-Soċjetajiet tal-Ħajja Appostolika.

Is-Sibt 5: Fl-10am fil-Bażilika tal-Vatikan, issir quddiesa u ordinazzjoni episkopali.

It-Tnejn 21: F’nofsinhar fl-Awla tal-Konċistorju, isir Konċistorju għal ċertu kawżi għall-kanonizzazzjoni.

MARZU

L-Erbgħa 9: L-Erbgħa tal-Irmied. Fl-4.30pm fil-bażilika ta’ San Anselmu, issir purċissjoni penitenzjali. Fil-5pm fil-bażilika ta’ Santa Sabina, issir iċ-ċerimonja tat-tberik u t-tqegħid tal-irmied.

Il-Ħadd 13: L-ewwel Ħadd tar-Randan. Fis-6pm fil-Kappella tal-Palazz Appostoliku fil-Vatikan jibdew l-eżerċizzi spiritwali tal-Kurja ta’ Ruma.

Is-Sibt 19: Fid-9am ikunu konklużi l-eżerċizzi.

Il-Ħadd 20: It-tieni Ħadd tar-Randan. Fid-9am, issir quddiesa u attivita marbuta ma’ parroċċa ġdida.

APRIL

Il-Ħadd 17: Ħadd il-Palm u tifkira tal-Passjoni ta’ Sidna Ġesu Kristu. Isir it-tberik tal-palm, purċissjoni u quddiesa.

Il-Ħamis 21: Ħamis ix-Xirka. Fid-9.30am fil-Bażilika tal-Vatikan, isir it-tberik taż-żjut. Fil-5.30pm jibda t-Tridu tal-Għid bil-quddiesa li tfakkar l-Aħħar Ċena.

Il-Ġimgħa 22: Il-Ġimgħa l-Kbira. Fil-5pm issir it-tifkira tal-Passjoni. Fid-9.15pm issir it-Triq tas-Salib fil-Kolossew.

Is-Sibt 23: Sibt il-Għid. Isiru l-Vġili tal-Għid fil-Bażilika tal-Vatikan fid-9pm.

Il-Ħadd 24: L-Għid il-Kbir. Issir quddiesa fi Pjazza San Pietru fl-10.15am. F’nofsinhar, il-Papa jagħti l-barka tiegħu Urbi et Orbi…lil Ruma u lid-dinja.