Waqt quddiesa ta’ radd il-ħajr lil Alla f’għeluq il-55 Anniversarju mit-twaqqif tad-Dar tal-Providenza, l-Arċisqof Charles Scicluna ddeskriva d-Dar bħala “monument tal-ħniena”. Żied jgħid li meta Dun Mikiel Azzopardi, il-fundatur tagħha, laqa’ l-ewwel residenti fid-Dar tas-Siġġiewi laqagħhom b’ħarsa ta’ ħniena, mhux għax imsieken, imma għax ried li l-għożża li d-Dar dejjem ikollha lejn ir-residenti tagħha tkun mera tal-għożża li Alla għandu lejn il-bniedem.
Fit-12 ta’ Settembru 1965 Dun Mikiel qasam mas-semmiegħa tiegħu fuq programm li kellu fuq ir-Rediffusion ix-xewqa li jiftaħ l-ewwel dar residenzjali f’Malta għall-persuni b’diżabbiltà. Wara l-programm waħda mara marret issibu u tagħtu l-ewwel donazzjoni biex jibda jirrealizza b’mod konkret din il-ħolma kif fil-fatt għamel. Dun Mikiel dejjem żamm din id-data bħala Jum it-twaqqif tad-Dar tal-Providenza li mbagħad fetħet il-bibien tagħha fil-11 ta’ Frar 1968.
Dan l-anniversarju ta’ 55 sena ta’ ħidma b’sens qawwi ta’ mħabba, dedikazzjoni u servizz lil persuni b’diżabbiltà li tul dawn is-snin kellhom bżonn servizz residenzjali, tfakkar il-Ħadd 13 ta’ Settembru b’quddiesa fil-kappella tad-Dar tal-Providenza, ċelebrata mill-Arċisqof megħjun minn Fr Trevor Fairclough u Fr Lino Cardona SJ.
L-Arċisqof irringrazzja lill-President ta’ Malta, Dr George Vella u s-Sinjura Vella għall-preżenza u s-solidarjetà tagħhom kif ukoll għall-appoġġ li l-Istat jagħti għall-għaqdiet li jeħtiġuh. Preżenti wkoll kien hemm is-Segretarju Parlamentari għall-Anzjanità Attiva u l-Persuni b’Diżabbiltà Silvio Parnis, il-Kelliem għall-Oppożizzjoni għall-Persuni b’Diżabbiltà Marija Deguara, il-Kummissarju għas-Saħħa Mentali Dr John M. Cachia u rappreżentanza tas-Sorijiet tal-Karità.
Dan l-anniversarju jibqa’ miftakar minħabba ċ-ċirkostanzi tal-pandemija li ħakmet lil Malta u lid-dinja. COVID-19 kien u għadu ta’ piż kbir fuq ir-riżorsi umani u finanzjarji tad-Dar. Biex jiġu salvagwardjati s-sikurezza u l-benesseri tar-residenti kif ukoll tal-ħaddiema, id-Dar osservat u ħaddmet il-protokolli kollha addottati mill-Awtoritajiet tas-Saħħa. Residenti, qraba u ħaddiema kellhom jaddattaw ruħhom għal arranġamenti ta’ sigurtà li ddaħħlu f’diversi miżuri sa minn Marzu li għadda. Fi tmiem il-quddiesa, l-Arċisqof appella biex f’dawn iż-żminijiet diffiċli tal-pandemija kull min jista’ għandu jgħin finanzjarjament lil ħafna organizzazzjonijiet li hawn, fosthom id-Dar tal-Providenza u l-Community Chest Fund.
L-għan tad-Dar tal-Providenza minn dejjem kien li toffri ambjent ta’ familja għall-persuni b’diżabbiltà li għal xi raġuni jew oħra ma setgħux jibqgħu jgħixu mal-familja tagħhom. Tul is-snin, dan is-servizz li jħares ir-rispett, id-dinjità u d-drittijiet tagħhom ma setax ikun possibbli mingħajr l-appoġġ sħiħ li ma qata’ qatt tal-Maltin u l-Għawdxin kollha permezz ta’ għajnuna volontarja u finanzjarja.
Illum, 55 sena wara, id-Dar tal-Providenza tiġbor fiha tliet residenzi: Villa Monsinjur Gonzi, Villa Papa Giovanni u Villa Papa Luciani kif ukoll erbat idjar żgħar oħra fil-komunitajiet tas-Siġġiewi, il-Qawra, Birkirkara u ż-Żurrieq waqt li dar oħra fil-Balluta qed tistenna li tiġi nawgurata fix-xhur li ġejjin. Bħalissa, fis-seba’ residenzi, jgħixu 115-il persuna, kollha b’diversi forom ta’ diżabbiltà, b’etajiet li jvarjaw bejn it-tmien snin u ‘l fuq minn 80 sena. Id-Dar toffri wkoll servizzi ta’ respite fuq bażi regolari. L-ispejjeż tad-Dar ilaħħqu madwar il-€5 miljun fis-sena.
Agħfas hawn biex tara l-Quddiesa ta’ radd il-ħajr