Mejju huwa x-xahar tradizzjonalment marbut mal-Madonna. Mejju ta’ mitt sena ilu fl-Isla rriżulta li kien xahar Marjan li bħalu qatt ma kien hemm fl-istorja ta’ din il-belt li tieqaf kburija, bħal kuruna, fuq il-Port il-Kbir ta’ Malta. Ir-raġuni kienet għax matul dak ix-xahar waslet f’Malta l-aħbar li l-vara maħbuba u mirakoluża tal-Bambina – l-ewwel vara titulari tal-injam li żejnet il-knisja Maltija – kienet se tiġi inkurunata bil-permess tal-Papa Benedittu XV waqt ċerimonja solenni.
Fil-pubblikazzjoni l-aktar dettaljata dwar l-istorja ta’ din il-belt, miġbura u miktuba minn P. Alexander Bonnici OFM Conv. bejn l-1981 u l-1991, insibu r-rakkont ta’ din il-ġrajja, iżda huma neqsin milli jissemmew tliet dokumenti ta’ importanza fundamentali li meta kien qed jikteb Bonnici jidher li ma kinux jinsabu fl-arkivju tal-parroċċa. L-importanza ta’ dawn tinsab f’li huma utli biex tingħata stampa aktar sħiħa ta’ mumenti mill-aktar kruċjali li wasslu għal din il-ġrajja glorjuża. Dawn huma d-dossier li tlesta minn Mons. Franġisk Marengo, is-supplika tal-Arċipriet Kan. Dun Ġużepp Adami lill-Isqof Mawru Caruana O.S.B. u t-talba tal-Isqof lill-Papa Benedittu XV biex dan jagħti l-permess biex l-istatwa għażiża tas-Sengleani tiġi inkuruanta. Dawn id-dokumenti nkitbu bejn Novembru tal-1919 u l-aħħar ta’ Marzu 1920.
L-eqdem dokument huwa d-dossier imħejji mill-Primiċerju tal-Kolleġġjata, Mons. Marengo, li eventwalment intbagħat lill-Isqof mas-supplika tal-Arċipriet, u wasal anke f’idejn il-kapitlu tal-Vatikan mat-talba li għamel l-Isqof ta’ Malta. Dan jiġbor fih l-istorja tad-devozzjoni li biha xegħlu s-Sengleani lejn ix-xbiha tal-Madonna li ngħatatilhom minn kaptan ta’ bastiment Awstrijak fil-bidu tas-seklu 17. L-istatwa kienet instabet fl-ilmijiet tal-Golf ta’ Venezja, qrib il-gżejjer tad-Dalmazja, probabbilment fdal ta’ xi bastiment li kien għereq. F’dan id-dossier Marengo jikkopja siltiet importanti mill-istorja tal-istatwa li jinsabu konservati f’manuskritt tal-Konfraternità tal-Immakulata Kunċizzjoni li twaqqfet fl-Isla xi snin wara l-wasla tal-istatwa, u li din għaddiet taħt il-kura tagħha.
Fost id-dettalji l-aktar interessanti jissemmew xi mirakli ta’ skala nazzjonali li magħhom hija marbuta l-vara maħbuba tal-Bambina, u li għalihom ħadet il-fama ta’ xbiha mirakoluża. L-eqdem miraklu li jsemmi Marengo seħħ fit-3 ta’ April 1718. Malta kienet ilha ħafna żmien bla xita, u fl-1 ta’ April l-Isqof Giacomo Cannaves ornda li jumejn wara kellhom isiru pellegrinaġġi penitenzjali fil-parroċċi kollha. Il-Kappillan Dun Fortunatu Vella, li mexxa l-parroċċa mill-1717 sal-1762 iddeċieda li l-pellegrinaġġ isir mill-Isla sal-Knisja tal-Madonna tal-Ħlas f’Ħal Qormi, u li tulu kellha tinġarr l-istatwa tal-Bambina. Fit-triq lura lejn l-Isla bdiet nieżla xita bil-qliel fuq Malta kollha u dan il-prodiġju mill-ewwel ġie attribwit lill-Bambina. 24 sena wara reġa’ kien hemm nixfa kbira u tul April, l-istess kappillan fuq ordni tal-Isqof Alpheran de Bussan, iddeċieda li jagħmel pellegrinaġġ bl-istatwa sal-Knisja ta’ Ħaż-Żabbar. Meta l-istatwa kienet fi triqitha lura lejn l-Isla, mara residenti f’Ħaż-Żabbar li kienet ilha tlett ijiem fi tbatija kbira minħabba li ma setgħetx twelled, talbet lill-Madonna għaddejja qrib id-dar tagħha biex tidħol għaliha, u din welldet tarbija b’saħħitha. Il-mara tat iċ-ċurkett tagħha lill-istatwa u jingħad li meta kienu qed ilibbsuhulha, dan twessa’ biex qagħad f’postu sew. Il-poplu miġbur għall-pellegrinaġġ, meta ra dan il-għaġeb, infexx jgħajjat “Viva Marija!” Meta l-pellegrinaġġ daħal lura fil-knisja tal-Isla, ix-xita bdiet nieżla.
Każ kurjuż li rari jissemma’ seħħ fl-1757 meta Malta nħakmet minn tempesti u rwiefen kbar li saħansitra ġarrfu xi bini u ħallew l-arja mdallma u mtappna għal ħafna ġranet. Il-Kappillan Vella organizza pellegrinaġġ bl-istatwa mill-knisja parrokkjali sal-knisja tal-Madonna tal-Portu Salvu fl-Isla stess bħala talba lill-Madonna biex tidħol għal Malta. It-talba nstemgħet u tempesti ta’ dak it-tip qatt ma reġgħu ġew reġistrati.
L-aktar każ magħruf huwa l-wegħda li saret mill-Kapitlu u l-kleru u l-poplu Senglean fis-sena 1813, meta Malta kollha kienet vittma tal-imxija tal-pesta. Din il-wegħda hija aktar magħrufa bħala marbuta mar-Redentur, imma fir-realtà l-wegħda saret ukoll lill-Bambina u lil San Rokku. Din saret biex l-Isla tibqa’ meħlusa mill-flaġell, u hekk seħħ; il-pesta ma rifsitx fiha u ħadd mill-poplu tagħha ma tniġġes. Fl-1814 saret purċissjoni bl-istatwi msemmija sal-knisja tal-Lunzjata fil-Birgu, u l-poplu ntrabat li ta’ kull sena tibda ssir b’wegħda purċissjoni bil-Bambina kull 8 ta’ Settembru jew fil-ġranet ta’ wara f’każ li din ma tkunx tista’ ssir dakinar.
Id-dossier jispiċċa b’diskors ħerqan mill-monsinjur xwejjaħ biex dawn il-mirakli, flimkien ma’ tant oħrajn privati li tul 300 sena ta’ devozzjoni saru għall-ġid tad-devoti, jitqiesu bħala raġuni valida biex il-Bambina tkun inkurunata bl-aktar mod solenni.
Iż-żewġ dokumenti l-oħra, bħalma għedna, huma s-supplika li saret mill-Arċipriet Kanonku Dun Ġużepp Adami nhar l-1 ta’ Marzu 1920 u t-talba li saret mill-Isqof ta’ Malta lill-Papa, iddatata 31 ta’ Marzu 1920. Il-vara hawn spiss tingħata t-titlu ‘Bambina tal-Vittorja’. F’dawn iż-żewġ suppliki naqraw xi ftit jew wisq l-istess affarijiet imma aktar fil-qosor. L-arċipriet jagħmel referenza għall-wegħda tal-pesta u għall-pellegrinaġġi tal-1718 u l-1732, mingħajr ma jidħol f’wisq dettalji, u jispiċċa billi jitlob lill-Isqof jagħmel il-kuntatti meħtieġa mas-Santa Sede biex din id-devozzjoni tkun rikonoxxuta u mkabbra billi tiġi inkurunata l-istatwa f’ċerimonja solenni. It-talba tal-Isqof Caruana hija ftit itwal, għax jagħmel użu mid-dossier ta’ Marengo li Adami bagħat flimkien mas-supplika tiegħu. Caruana jitkellem fil-qosor dwar il-miġja misterjuża tal-Bambina, dwar il-qima li l-poplu kellu lejha sa mill-ewwel jum li fih iddaħħlet fil-knisja u jispiċċa billi jagħmel it-talba tal-Kapitlu, kleru u poplu Senglean, it-talba tiegħu stess bħala ragħaj tad-djoċesi u jirrimarka li privileġġ simili jkun ta’ ġid għall-poplu Malti kollu għax permezz tiegħu jkompli jkabbar il-qima tiegħu lejn il-Madonna, Patruna ewlenija tad-djoċesi.
L-informazzjoni li ntbagħtet Ruma flimkien mat-talba tal-Isqof jidher li kienet konvinċenti biżżejjed, għax id-deċiżjoni b’eżitu pożittiv ittieħdet mill-Kapitlu tal-Vatikan bil-barka tal-Papa fil-25 ta’ April. Mill-memorji tan-nies miktuba 50 sena wara, jidher li l-aħbar sabiħa waslet fl-Isla l-għada ta’ Lapsi, f’nofs Mejju, waqt li fil-knisja kien qed jiġi ċċelebrat it-tridwu tal-Madonna tas-Sacro Cuor. L-istess kanċillier tal-Isqof f’ittra ddatata 20 ta’ Mejju lill-Aċipriet jistqarr li baqa’ mistagħġeb li d-deċiżjoni ttieħdet daqshekk malajr. L-aħbar inqrat pubblikament lill-poplu tal-Isla nhar it-23 ta’ Mejju filgħaxija, waqt ċerimonja li saret wara l-kumpieta li għaliha kien mistieden l-Isqof li kien strumentali biex seta’ jingħata dan il-privileġġ. Sena wara, fl-4 ta’ Settembru 1921, il-Bambina tal-Vittorja saret l-ewwel statwa f’Malta li ġiet inkurunata solennement bl-approvazzjoni tas-Santa Sede.
Miktub minn Kan. Dr Jonathan Farrugia