L-Omelija tal-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi

“Jien ġejt biex ikollkom il-ħajja u l-ħajja bil-kotra”. F’din l-aħħar sentenza tal-Evanġelju tal-lum għandna miġbura dak li Ġesù jixtieq iwasslilna: il-ħajja u l-ħajja bl-abbundanza.

Meta qal hekk, Ġesù kien qed jitkellem fuqu nnifsu bħala r-Ragħaj it-Tajjeb. Meta Ġesù semma r-ragħaj, lil dawk in-nies mal-ewwel ġagħalhom jaħsbu f’dak is-Salm li aħna stess għedna llum fil-quddiesa: “Il-Mulej hu r-ragħaj tiegħi”. Ġesù qed jgħidilhom li dak hu, hu r-Ragħaj it-Tajjeb. Ir-Ragħaj it-Tajjeb li jħobb, li jimpurtah min-ngħaġ, li jfittex li jkun jafhom wieħed wieħed u waħda waħda, li jagħti ħajtu għalihom, li jmexxihom fit-triq it-tajba, li jfittex in-nagħġa l-mitlufa; u li għalhekk miegħu jafu li għandhom protezzjoni għall-ħajja tagħhom, miegħu huma safe.

Għalhekk, meta Ġesù jgħid: “Jien ġejt biex ikollkom il-ħajja u l-ħajja bil-kotra” qed jagħti messaġġ importanti ħafna għall-ħajja tagħna. Qed jgħidilna li din il-ħajja li ngħixu hawnhekk fid-dinja, permezz tiegħu nistgħu nagħmluha ħajja tassew sabiħa, ħajja mimlija, ħajja bis-sens, ħajja li għandha skop. Imma qed jgħidilna wkoll li din ma tiqafx mal-mewt. Lil hinn mill-mewt, hu jagħtina wkoll garanzija lilna li miexja warajh, dixxipli tiegħu, li jkollna l-ħajja ta’ dejjem, il-ħajja bil-kotra.

Ġesù, lil dawk il-ftit ċelloli fejn digà hemm ħajja umana, jgħidilhom: jien ġejt biex ikollkom il-ħajja, mhux biex din tintrema.

Tajjeb li nistaqsu dan x’ifisser għall-ħajja tagħna llum, “x’għandna nagħmlu?” – dik il-mistoqsija li smajna fl-Ewwel Qari, li staqsew in-nies li semgħu għall-ewwel darba l-Aħbar it-Tajba. Ġesù jistedinna biex aħna nissieħbu miegħu, minn hawn stess, fil-ħarsien tal-ħajja. Nissieħbu miegħu wkoll ħalli aħna nipproteġu l-ħajja u jkun hawn il-ħajja bil-kotra.

Dan aħna nagħmluh sa mill-ewwel mument tat-tnissil tal-ħajja, meta l-ħajja tkun għadha ftit ċelloli imma hemm diġà l-ħajja umana. Għalhekk is-sejħa hi biex aħna nħallu din il-ħajja tiżviluppa. Ġesù, lil dawk il-ftit ċelloli fejn digà hemm ħajja umana, jgħidilhom: jien ġejt biex ikollkom il-ħajja, mhux biex din tintrema.

Illum Ġesù jgħidilna wkoll biex fis-sitwazzjoni li qed ngħixu fiha tal-pandemija, li ġabet tħarbit fil-ħajja tagħna, imma wkoll fejn hemm diversi miżuri, aħna nimxu mal-miżuri lil jassiguraw li aħna nħarsu l-ħajja tagħna u tal-oħrajn. Hekk Ġesù jitlob minna llum. Ma jrid qatt li aħna nqiegħdu f’riskju l-ħajja tagħna u tal-oħrajn.

Imbagħad innutaw kif Ġesù f’din is-sentenza jqiegħed f’kuntrast lilu, li ġie biex jagħtina l-ħajja u l-ħajja bil-kotra, u fuq in-naħa l-oħra lil dawk li jidħlu biex jisirqu, joqtlu u jeqirdu. Kien qed jgħid għal xi mexxejja reliġjużi ta’ dak iż-żmien li kien qegħdin iqarrqu bin-nies. Lilna wkoll jgħidilna biex aħna u nissieħbu miegħu fil-ħarsien tal-ħajja, nagħmlu attenzjoni speċjalment għall-qerq. Irridu noqogħdu attenti biex ma nitqarrqux.

Aħna nafu li d-droga u l-ħarsien tal-ħajja huma kontra xulxin.

Ħa nsemmi eżempju. Id-droga hija espressjoni ta’ dan li qal Ġesù – dak li jisraq, joqtol u jeqred. Tisraq id-dinjità, toqtol u teqred. Jista’ jkun hemm min jitqarraq u jaħseb li hija mezz ta’ rikreazzjoni, li tieħu gost biha fil-ħajja. Aħna nafu li d-droga u l-ħarsien tal-ħajja huma kontra xulxin. Jekk int titqarraq, meta jgħaddi ż-żmien tinduna li tkun ingdimt, bi ħsara għall-ħajja tiegħek. Għalhekk Ġesù jgħidilna biex noqogħdu attenti minn dak il-qerq li hu ta’ periklu u riskju għall-ħajja tagħna u tal-oħrajn.

Meta ma nirrispettawx il-ħolqien ma nkunux qed nieħdu tassew ħsieb il-ħajja tagħna u tal-oħrajn.

Ħu, per eżempju, il-ħarsien tal-ħolqien. Fis-Salm g]edna: “F’mergħat kollhom ħdura jqegħdini”. Mill-ewwel tieħu l-idea kemm hu sabiħ il-ħolqien, kemm jagħti l-ħajja, jagħti n-nifs. Aħna nistgħu nirraġunaw – u nkunu żbaljati – li flok il-ħajja bil-kotra aħna nfittxu l-bini bil-kotra, u hekk inkunu qegħdin innaqqsu n-nifs tal-ħajja. Meta ma nirrispettawx il-ħolqien ma nkunux qed nieħdu tassew ħsieb il-ħajja tagħna u tal-oħrajn.

Għalhekk, meta Ġesù jgħid “il-ħajja bil-kotra” ma jfissirx dak li inti tista’ taħtaf, iġġemma’ – il-kilba biex ikollok. Dik mhijiex il-ħajja bil-kotra li qed isemmi Ġesù. Imma hi l-ħajja li jagħtina hu ta’ barka, ta’ paċi u ta’ ferħ, li jagħmlu l-ħajja sabiħa hawn u jgħinuna biex dawn naqsmuhom mal-oħrajn.

F’din il-quddiesa llum ejjew nitolbu lill-Mulej biex minnu dejjem nirċievu l-ħajja u l-ħajja bil-kotra. Nitolbuh biex ikun hu r-Ragħaj it-Tajjeb li jmexxina fit-triq tas-sewwa. U nitolbu wkoll illum b’mod speċjali għal dawk li hu għażel biex ikunu rgħajja f’ismu – saċerdoti u reliġjużi li qed nitolbu llum b’mod speċjali għalihom f’dan il-Ħadd tal-Għid. Nitolbu biex dawn ukoll fil-qadi tagħhom jgħinu lin-nies biex ikollhom il-ħajja u l-ħajja bil-kotra.

✠ Joseph Galea-Curmi   
    Isqof Awżiljarju