(xellug) Is‑Segretarju Amministrattiv tal‑Arċidjoċesi ta’ Malta, Michael Pace Ross, mal‑Kap Eżekuttiv ta’ UĦM Voice of the Workers, Josef Vella

L‑Arċidjoċesi ta’ Malta u l‑UĦM Voice of the Workers iffirmaw ftehim kollettiv ġdid għall‑ħaddiema tal‑Kurja tal‑Arċisqof u tat‑Tribunali Ekkleżjastiċi wara li dan ġie approvat mill‑Kunsill Rappreżentattiv Djoċesan ippresedut mill‑Arċisqof Charles Jude Scicluna.

Il‑ftehim, li jidħol fis‑seħħ fl‑1 ta’ Jannar 2021 u jkopri perjodu ta’ tliet snin, ġie ffirmat mis‑Segretarju Amministrattiv tal‑Arċidjoċesi ta’ Malta, Michael Pace Ross, u mill‑Kap Eżekuttiv ta’ UĦM Voice of the Workers, Josef Vella.

Waqt l‑iffirmar ta’ dan il‑ftehim, is‑Sur Pace Ross spjega li l‑ftehim kellu jidħol fis‑seħħ din is‑sena iżda minħabba l‑pandemija ġie pospost b’sena. Dan wara li l‑Bank Ċentrali Ewropew irrakkomanda lill‑banek Ewropej, fosthom lill‑APS Bank, sabiex din is‑sena ma jqassmux dividends lill‑azzjonisti. Fisser kif din id‑deċiżjoni kellha impatt fuq id‑dħul tal‑Arċidjoċesi.

Is‑Sur Pace Ross irringrazzja lill‑UĦM Voice of the Workers li fehmet is‑sitwazzjoni, kif ukoll lill‑ħaddiema kollha tas‑sagrifiċċji li qed jagħmlu biex ix‑xogħol tal‑Kurja u t‑Tribunali jibqa’ għaddej.  

Is‑Sur Josef Vella qal li dan kien żmien diffiċli iżda jinsab sodisfatt li l‑Arċidjoċesi ta’ Malta fehmet it‑talbiet tal‑unionu għalhekk iż‑żidiet li kellhom jidħlu fis‑seħħ xorta se jingħataw. Hu stqarr li permezz ta’ dan il‑ftehim kollettiv il‑ġdid, il‑ħaddiema se jgawdu minn diversi benefiċċji fosthom it‑tisħiħ ta’ miżuri favur il‑familja (family friendly measures).

Isabelle Farrugia, Senior Manager fi ħdan il‑UĦM Voice of the Workers, fissret li minn dan il‑ftehim ġdid il‑ħaddiema se jkunu qed itejbu l‑kundizzjonijiet tax‑xogħol tagħhom mhux biss b’żidiet fil‑paga, imma wkoll permezz ta’ opportunitajiet li jtejbu l‑karriera tagħhom.

Il‑ftehim kollettiv jipprovdi biex mis‑sena d‑dieħla, flimkien ma’ pagi aħjar, ikun hemm increments ogħla, bonusgħal servizz twil, rikonoxximent aħjar għall‑edukazzjoni, u l‑iżvilupp u t‑taħriġ tal‑ħaddiema fost benefiċċji oħra.

Preżenti wkoll għall‑iffirmar Dr Rebecca Gatt, Maniġer għar‑Riżorsi Umani tal‑Arċidjoċesi ta’ Malta, u r‑rappreżentanti tal‑ħaddiema.