Il‑Knisja f’Malta qed taġġorna d‑direttivi rigward il‑Quddies u ċelebrazzjonijiet liturġiċi oħra fil‑preżenza tal‑pubbliku, li permezz tagħhom numru ta’ miżuri ta’ prevenzjoni kontra l‑imxija tal‑covid‑19 ser jibqgħu fis‑seħħ u oħrajn aktar restrittivi jitnaqqsu. Dawn id‑direttivi jidħlu fis‑seħħ mil‑lum l‑1 ta’ Lulju 2020, u jibqgħu fis‑seħħ sakemm jinħarġu direttivi oħra mill‑Awtoritajiet Ekkleżjastiċi. Id‑direttivi aġġornati huma aċċessibbli hawnhekk.
Il‑miżuri obbligatorji li ser jinżammu jinkludu:
- Id‑distanza soċjali ġol‑knisja ħlief għall‑membri tal‑familja li jgħixu fl-istess dar
- Sanitiser fil‑bieb għall‑użu tal‑pubbliku
- It‑Tqarbin ser jibqa’ jsir fl‑idejn u fil‑post
- Ħasil regolari u ventilazzjoni tal‑knejjes
- Il‑fonti tal‑ilma mbierek jitħallew vojta
- Persuni b’sintomi respiratorji jew ta’ influwenza ma jitħallewx jidħlu
Id‑deċiżjoni tal‑Isqfijiet tat‑12 ta’ Marzu li għadda, li permezz tagħha l‑Insara ngħataw dispensa mill‑obbligu tal‑Quddies ta’ nhar ta’ Ħadd, għalissa ser tibqa’ fis‑seħħ. L‑Insara kollha, b’mod speċjali il‑persuni mhux vulnerabbli, huma mħeġġa jiċċelebraw b’mod partikolari jum il‑Ħadd billi jattendu għall‑Quddies.