Il‑Knisja f’Malta nediet diversi inizjattivi bħala parti mit‑tħejjija għall‑Vjaġġ Appostoliku tal‑Papa Franġisku f’Malta.
Pope Francis in Malta
Għall‑Vjaġġ Appostoliku tal‑Papa Franġisku nħolqot il‑paġna fuq Facebook ‘Pope Francis in Malta’ fejn qed jittellgħu dettalji relatati mal‑preparamenti u maż‑żjara nnifisha. Matul il‑jumejn li l‑Papa Franġisku jkun Malta, din il‑paġna se tkun qed tiġi kontinwament aġġornata b’ritratti u filmati mil‑lokalitajiet u l‑parroċċi minn fejn ikun għadda l‑Papa.
Papafrangisku.mt
Il‑website uffiċjali tal‑Vjaġġ Appostoliku tal‑Papa Franġisku fil‑Gżejjer Maltin hija papafrangisku.mt jew popefrancis.mt. Fiha hemm dettalji dwar il‑programm uffiċjali, dettalji tal‑attivitajiet, kif tista’ tipparteċipa u tasal fuq il‑post tal‑attività. Wieħed jista’ jsib ukoll il‑messal taċ‑ċelebrazzjonijiet liturġiċi u se jittellgħu wkoll id‑diskorsi u l‑omeliji tal‑Papa. Fuq il‑website hemm filmati tat‑toroq li minnhom se jgħaddi l‑Papa Franġisku kif ukoll riżorsi għat‑tfal u l‑familja bi preparazzjoni għal din iż‑żjara.
Welcome Here
Il‑kanzunetta ‘Welcome Here’ hi l‑kanzunetta li Fr Rob Galea kiteb apposta għall‑Vjaġġ Appostoliku tal‑Papa f’Malta. ‘Welcome Here’ hi dwar l‑imħabba tal‑Mulej lejna, imħabba li hi iktar fonda mill‑baħar, b’saħħitha iktar mill‑qlubija, sinjura iktar mill‑istorja ta’ pajjiż, u ikbar minn kwalunkwe ħolma li l‑bniedem qatt jista’ jkollu. Il‑kanzunetta tistieden lil kull wieħed u waħda minna sabiex niftħu mill‑ġdid qalbna għall‑Mulej biex fuq din l‑art tkun tista’ tirrenja l‑imħabba tiegħu. Il‑kanzunetta tkompli titlob lill‑Mulej jgħallimna nkunu ġenerużi u nies ta’ qalb tajba li lesti nilqgħu lil kull min hu fil‑bżonn. Dan sabiex inkunu poplu li jitkellem u jaħdem favur il‑ħajja u d‑dinjità tal‑bniedem.
Tista’ tisma’ u taqra l‑lirika ta’ ‘Welcome Here’ minn fuq il‑website papafrangisku.mt fis‑sezzjoni ‘Preparazzjoni’.