L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi

“Mgħallem, mhux li kien id-dinja kollha timxi wara l-Evanġelju tiegħek!” Dawn huma l-ittri ‘MUSEUM’, it-tifsira tagħhom, tal-kelma bil-Latin, u kien proprju dan li kien f’qalb San Ġorġ Preca. Hekk smajna lil Ġesù jgħid lill-ħdax fl-Evanġelju skont San Mark: “Morru fid-dinja kollha, xandru l-Evanġelju lill-ħolqien kollu”.

San Ġorġ Preca, kif għedna fit-talba fil-bidu tal-quddiesa, kellu din is-sejħa speċjali minn Alla biex jaħdem ħalli l-Evanġelju jixtered mal-bnedmin kollha, u d-dinja kollha timxi wara l-Evanġelju ta’ Ġesù. Il-Papa Franġisku, meta kien fostna f’Malta ftit aktar minn xahar ilu – u ġie wkoll f’din il-kappella jqim lil San Ġorġ Preca – fakkarna fuq il-ferħ tal-Knisja li tevanġelizza, u kif din hi l-missjoni tagħna, ilkoll kemm aħna.

Alla jsejħilna biex ngħinu lill-oħrajn jaslu għand Ġesù. Fil-fatt il-Papa qal hekk meta semma lil San Ġorġ Preca: “… ftakru li l-fidi tikber fil-ferħ u titqawwa fl-għotja għall-oħrajn. Komplu b’din il-katina ta’ qdusija li wasslet lil tant Maltin biex b’ħeġġa jagħtu ruħhom għal Alla u għall-oħrajn. Jiġini f’moħħi Dun Ġorġ Preca, ikkanonizzat ħmistax-il sena ilu.”

San Ġorġ Preca kellu f’qalbu din l-imħabba kbira lejn Alla. Alla kien kollox għalih, Alla kien dejjem preżenti fil-ħajja tiegħu. Kien jgħid diversi drabi “Sinjur Alla, jien għandi bżonnok”, u hu għaraf dan il-bżonn kbir ta’ Alla fil-ħajja tiegħu. Hu mtela bl-ispirtu ta’ Alla biex seta’ mbagħad jgħaddih lill-oħrajn. Nixtieq nenfasizza kif fil-ħsieb tiegħu kellu dejjem lil Alla, fittex li jagħmel kollox għall-glorja tiegħu, b’dik l-enfasi tiegħu fuq l-intenzjoni retta – li dak li qed tagħmel mhuwiex għall-glorja tan-nies, mhux biex issib l-approvazzjoni tal-oħrajn, imma għall-glorja ta’ Alla.

Ftakru li l-fidi tikber fil-ferħ u titqawwa fl-għotja għall-oħrajn. Komplu b’din il-katina ta’ qdusija li wasslet lil tant Maltin biex b’ħeġġa jagħtu ruħhom għal Alla u għall-oħrajn. Jiġini f’moħħi Dun Ġorġ Preca, ikkanonizzat ħmistax-il sena ilu

Il-Papa Franġisku fiż-żjara appostolika f’Malta

Kienet din l-imħabba kbira tiegħu lejn Alla li għenitu biex juża t-talenti tiegħu, il-ħajja tiegħu għas-servizz ta’ Alla. Nafu li Dun Ġorġ kellu ħafna talenti sbieħ. Kien bniedem kreattiv, determinat, ħabrieki, kien bniedem li jaf jikkomunika ħafna, kemm fil-kelma tiegħu kif ukoll fil-kitba tiegħu – dan kollu qiegħdu għas-servizz ta’ Alla, biex jgħin lill-poplu jersaq qrib Alla u jkun viċin tiegħu.

F’din is-sejħa li Alla tah ma ħadimx waħdu, imma waqqaf is-Soċjetà tad-Duttrina Nisranija, is-Soċjetà tal-MUSEUM, biex tkompli flimkien miegħu tifrex l-Evanġelju ma’ Malta u Għawdex, u f’ħafna postijiet oħra fid-dinja, u l-ħidma li beda hu tkompliha din is-Soċjetà. Kif smajna lil  San Pawl jgħid lil Timotju fit-Tieni Ittra tiegħu: “Kulma smajt mingħandi … għaddih lil nies ta’ fiduċja, li huma stess ikollhom ħila jgħallmuh ukoll lill-oħrajn”. Hekk għamel San Ġorġ Preca. Bis-saħħa ta’ din il-ħidma, ħalla ħafna ġid f’Malta u barra minn Malta. Hu benefattur kbir tagħna l-Maltin, imma benefattur kbir ukoll tal-Knisja. San Ġorġ Preca kellu din il-ħeġġa li l-Evanġelju jixtered mad-dinja kollha, u li l-bnedmin kollha jimxu wara l-Evanġelju; hu stess ma marx ’il barra minn Malta imma dak li bena, dak li żera’, kiber biex mar ’il barra minn Malta b’mod li l-Papa Franġisku u l-papiet ta’ qablu għarfu l-qdusija ta’ San Ġorġ Preca u kif il-qdusija tiegħu hi messaġġ għall-Knisja kollha, mhux biss għall-Knisja f’Malta.

Hu benefattur kbir tagħna l-Maltin, imma benefattur kbir ukoll tal-Knisja. San Ġorġ Preca kellu din il-ħeġġa li l-Evanġelju jixtered mad-dinja kollha, u li l-bnedmin kollha jimxu wara l-Evanġelju

Illum nirringrazzjaw lill-Mulej ta’ dan il-qaddis Malti li għamel tant ġid – benefattur kbir tal-poplu Malti, u benefattur tal-Knisja fid-dinja. Nitolbuh biex bħalu aħna jkollna mħabba kbira lejn Alla, nimtlew bl-ispirtu tiegħu, u b’ħeġġa wkoll inwasslu l-Evanġelju bix-xhieda tal-ħajja tagħna, bil-kelma u b’ħafna ħidma, lill-bnedmin kollha.

✠ Joseph Galea-Curmi   
    Isqof Awżiljarju