L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi

Illum hu l-Jum Dinji ta’ Talb għall-Vokazzjonijiet, billi hu r-Raba’ Ħadd tal-Għid meta l-kelma ta’ Alla turina lir-Ragħaj it-Tajjeb, Ġesù Kristu. Għal dan il-jum il-Papa Franġisku ħareġ messaġġ, u fil-bidu jsemmi tliet punti li jien nixtieq li jkunu l-punti li fuqhom nirriflettu f’dan il-jum, f’din l-okkażjoni tal-ħatra ta’ Fr Peter u Fr Antoine bħala kanonċi ġodda. Tgħodd ħafna għalina lkoll.

Il-Papa jgħid kemm hu importanti li aħna: nibnu l-familja umana, infejqu l-ġrieħi tagħha, u nindirizzawha lejn futur aħjar.

Nibnu l-familja umana

L-ewwel nett, nibnu l-familja umana. Din nistgħu nagħmluha meta jkollna lil Kristu bħala r-Ragħaj it-Tajjeb tagħna li jmexxina. Miegħu nafu li aħna fiż-żgur. Lilu rridu nxandru u lilu nwasslu. Il-Papa Franġisku meta kien għaż-żjara tiegħu f’Malta, semma fl-omelija tiegħu quddiem Ta’ Pinu Għawdex, u semmieha aktar minn darba, li “l-ferħ tal-Knisja hu li tevanġelizza”. Hawnhekk intom tqimu b’mod speċjali lil San Pawl, in-nawfraġju ta’ San Pawl, li wasal hawnhekk bil-Providenza Divina u lilna evanġelizzana. Rajna llum fl-ewwel qari kemm Pawlu kien evanġelizzatur kbir u ħadem proprju biex il-Kelma ta’ Alla tasal u tibni l-familja umana.

Dan nixtieq li nawgura lilkom, Fr Peter u Fr Antoine, biex tħarsu lejn il-missjoni tagħkom f’din il-Kolleġġjata bħala missjoni li tibnu l-familja umana, speċjament billi twasslu l-Kelma ta’ Alla bl-istess ħeġġa tal-Appostlu Missierna San Pawl, bl-istess entużjażmu u spirtu ta’ San Pawl.

Infejqu l-ġrieħi

Il-Papa jgħid ukoll: infejqu l-ġrieħi. Jekk illum għandna fl-Evanġelju l-figura ta’ Kristu bħala r-Ragħaj it-Tajjeb, dan hu ragħaj li mhux biss jiggwida u jmexxi, imma wkoll jagħti kura, speċjalment hu ragħaj li jfejjaq il-ġrieħi. Bħalma naraw fil-Kelma ta’ Alla, ir-ragħaj hu dak li jfittex in-nagħġa l-mitlufa. Meta jsibha, ma joqgħodx jgħidilha ħafna xorti u jgħajjat magħha, imma jkun ferħan li jreġġagħha lura lejn il-merħla. Hu ragħaj li jinfaxxa l-ġrieħi, u nafu kemm ġrieħi għandna fil-familji tagħna, fil-komunitajiet tagħna, u nafu kif il-missjoni tagħna s-saċerdoti li rridu nkunu bħal Kristu ragħaj hi li nfejqu l-ġrieħi. Il-preżenza tagħna, il-kelma tagħna, il-ħidma tagħna ikunu jgħinu biex jitfejqu l-ġrieħi.

Il-Papa jgħid kemm hu importanti li aħna: nibnu l-familja umana, infejqu l-ġrieħi tagħha, u nindirizzawha lejn futur aħjar.

Nixtieq li intom, Fr Peter u Fr Antoine, taraw kif fil-missjoni tagħkom intom tkunu sinjal u strument ta’ Kristu Ragħaj billi twasslu dan il-fejqan – il-fejqan tal-bniedem fil-ġrieħi tiegħu u tagħha. Hemm tant ġrieħi fil-ħajja tagħna, fis-soċjetà tagħna, fejn tistgħu tkunu bħal Kristu Ragħaj li jfejjaq il-ġrieħi.

Nindirizzawha lejn futur aħjar

Il-Papa jsemmi wkoll: nindirizzaw il-famlja umana lejn futur aħjar. Fil-fatt, il-Papa Franġisku, meta kien fostna, qal messaġġ importanti lill-Knisja Maltija: biex tgħożż l-imgħoddi, imma b’mod li tħares lejn il-futur, mhux tibqa’ tħares sempliċiment lejn l-imgħoddi.

Fil-fatt dan hu l-kliem tiegħu: “Il-Knisja Maltija tiftaħar bi storja prezzjuża li minnha tista’ tixrob tant għana spiritwali u pastorali. Madankollu, il-ħajja tal-Knisja – ejjew infakkruh dejjem – mhi qatt biss ‘storja tal-imgħoddi biex infakkruha’, imma ‘futur kbir li rridu nibnu’, doċli għall-proġetti ta’ Alla. Ma tistax tkun biżżejjed għalina fidi magħmula minn drawwiet li ġew mgħoddija lilna, minn ċelebrazzjonijiet solenni, okkażjonijiet sbieħ popolari, mumenti qawwija u emozzjonanti; għandna bżonn ta’ fidi li tinbena u tiġġedded fil-laqgħa personali ma’ Kristu, fis-smigħ ta’ kuljum tal-Kelma tiegħu, fis-sehem attiv fil-ħajja tal-Knisja, fir-ruħ tal-pjetà popolari.”

Għalhekk hu jenfasizza kemm hu importanti li nħarsu lura biex mill-passat nixorbu dak li hu tajjeb, biex nindirizzaw il-komunità lejn il-futur. Fil-fatt il-Papa jgħid: “Fil-fatt, xi drabi l-qafas ta’ barra jista’ jkun reliġjuż, imma wara dik il-libsa l-fidi tkun qed teqdiem. Fil-fatt, il-gwardarobba eleganti tal-ilbies reliġjuż mhux dejjem taqbel ma’ fidi ħajja li tiġi mid-dinamiżmu tal-evanġelizzazzjoni. Hemm bżonn ngħassu biex il-prattika reliġjuża ma tirriduċix ruħha għar-ripetizzjoni ta’ repertorju tal-passat, imma tkun tesprimi fidi ħajja, miftuħa, li xxerred il-ferħ tal-Evanġelju”.

Hu b’dan il-mod li nistgħu nindirizzaw il-komunità lejn il-futur. Dan hu li nawguralkom ukoll, Fr Peter u Fr Antoine, flimkien ma’ sħabkom – għax din hi xi ħaġa li trid issir flimkien, bħala komunità waħda – li intom tgħinu biex tindirizzaw il-komunità lejn il-futur, b’mod li din tibqa’ tixrob mill-għajn tal-fidi u l-fidi tkun fil-qalba ta’ dak kollu li tagħmel, ta’ dak kollu li tgħix.

Nitolbu llum għal Fr Peter u Fr Antoine. Nitolbu għal dawk kollha li jagħtu servizz f’din il-parroċċa hekk għażiża għall-Knisja u għal Malta. Nitolbu biex ikomplu jaħdmu b’dan l-ispirtu, kif qalilna l-Papa Franġisku, billi jgħinu fil-bini tal-familja umana, ifejqu l-ġrieħi, u jindirizzawha lejn futur aħjar. Inħarsu ’l quddiem b’fiduċja li l-Mulej hu magħna u jgħinna biex ngħixu l-ispirtu tiegħu fid-dinja tal-lum.

✠ Joseph Galea-Curmi   
    Isqof Awżiljarju

Aktar ritratti >>